Lokali Unjoni Ewropea

L-NCPE tifraħ lil Roberta Metsola; tiddeskriviha bħala persuna li taħdem bla heda għad-drittijiet umani

Fi stqarrija l-NCPE ferħet lil Roberta Metsola għall-ħatra tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew.

Intqal li fil-karriera tagħha fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola ħadmet bla waqfien sabiex tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u t-trattament ugwali f’oqsma differenti għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha, b’attenzjoni partikolari fuq persuni f’riskju ta’ diskriminazzjoni jew f’ċirkostanzi vulnerabbli. Matul il-ħidma parlamentari tagħha u rwoli differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew hija mexxiet u approvat dossiers li jindirizzaw diversi aspetti relatati mad-drittijiet umani, l-ugwaljanza, l-anti-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-omofobija, il-migrazzjoni u l-ażil.

“L-elezzjoni ta’ waħda mill-ewwel MEPs nisa ta’ Malta għal kariga daqshekk prominenti fl-ogħla livelli ta’ dibattitu politiku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea hija tassew promettenti. Billi hija l-iżgħar President tal-Parlament Ewropew li qatt ġie eletta u t-tielet President mara tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola hija mudell sinifikanti għall-kisba tal-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tmexxija politika f’Malta u lil hinn.”

L-NCPE qalet li l-impenn ta’ Roberta Metsola lejn il-valuri u l-prinċipji komuni tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza, id-diversità, iċ-ċelebrazzjoni tad-differenzi, u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll l-impenn tagħha li sservi bħala alleata għal dawk vulnerabbli u għal persuni li jbatu minn diskriminazzjoni, huwa tassew ta’ ispirazzjoni li se ittejjeb il-kisba tal-ugwaljanza fis-soċjetà Ewropea inġenerali.