Internazzjonali

Liberja: Għexieren ta’ mejtin waqt rassa f’Monrovia

Mietu l-għexieren tan-nies fost rassa li nqalgħet waqt servizz pentekostali organizzat f’zona tal-kapitali Monrovia.

L-avveniment reliġjuż kien qed isir fis-subburg ta’ New Kru Town viċin il-baħar u l-pulizija qalu r-rassa nqalgħet wara li l-membri ta’ gang ta’ delinkwenti li jiġru fit-toroq irnexxielhom jinfiltraw iz-zona fejn kien qed isir it-talb, fost il-paniku tal-miġemgħa.

Jidher li wħud mill-membri tal-gang kienu armati bis-skieken, bl-awtoritajiet f’Monrovia jgħidu li fil-ħin tat-traġedja kien hemm il-mijiet tan-nies preżenti għas-servizz li kien qed imexxi kap tal-knisja influwenti magħruf bħala l-Apostlu Abraham Kronah. Dan ir-reliġjuż hu l-kap ta’ knisja bl-isem Word of Life Outreach International, waqt li għandu wkoll stazzjon tar-radju.

Is-segwaċi tiegħu qed jgħidu li Kronah  għandu l-kapaċità biex ifejjaq lin-nies permezz tat-talb. Intant, dan il-kap reliġjuż, bħalissa, qiegħed jgħin fl-investigazzjonijiet tal-pulizija b’konnessjoni mar-rassa fatali.