Basketball Sport

Mellieħa Libertas jaħsdu lil Hibernians

Colin Schembri

Mellieħa Libertas ……………………. 83

Hibernians ……………………………… 78

(19-15)(12-25)(28-22)(24-16)

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 10, N. Vasovic 15, I. Bonett 5, C. Briffa, N. Bukva 4, M. Seldon 25, M. Azzopardi 18, CJ Cordina, N. Sultana, A. Wrighten 6.

Hibs: M. Vires 12, N. Cassar, M. Vucinic, D. Bugeja, L. Farrugia, K. Dimech 5, A. Axiaq 2, R. Aquilina, M. Attard 5, C. Soderholm 22, I. Demcesen 19, P. Shoults 13.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Vladimir Nikolic

Mellieħa Libertas komplew isaħħu posthom fil-ġlieda għal post fil-playoffs wara rebħa mportanti kontra Hibernians li issa niżlu fit-tieni post tal-klassifika b’żewġ telfiet taħt il-leaders Starlites li ironikament l-unika telfa li għandhom waslet ukoll kontra Mellieħa. Mellieħa wkoll biddlu l-Amerikan tagħhom fejn issa minflok Jeremy Joyner għandhom lil Malic Colvic Seldon fil-waqt li kkonfermaw lil Austin Wrighten u Vukassin Jandric.

Hibs ukoll ikkonfermaw l-iskwarda tagħhom però għal din il-partita kienu mingħajr David Bugeja għalkemm irkupraw lil Peter Shoults. Ta’ min isemmi l-kontribut tal-player Mirko Azzopardi li daħal minn fuq il-bank wara l-intervall u ħasad lill-Pawlisti b’xejn anqas minn 18 -il punt fosthom 4 trippli. Mellieħa ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-2  wara l-ewwel punti f’pajjiżna ta’ Seldon. Għal Hibs kien hemm risposta minn Christian Soderholm però Mellieħa kellhom it-trippli ta’ Nikola Vasovic u Isaac Bonett beix baqgħu fuq quddiem 19-15.

Fit-tieni perjodu Mellieħa komplew b’sitt punti mingħajr risposta biex komplew ikabbru l-vantaġġ. Id-dħul ta’ Ivan Demcesen ta saħħa ġdida lil Hibs taħt il-board hekk kif bil-baskets tiegħhu huma naqqsu d-distakk għal 5 punti. Wara l-aħħar żewġ baskets ta’ Seldon, Hibs kellhom mument mill-aqwa mmexxija minn Shoults li għamel tlett trippli f’run ta’ 13-0 li rathom jidħlu jistrieħu 9 minn fuq 40-31.

Fit-tielet taqsima Mellieħa rkupraw l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ Azzopardi li ħasad lid-difiża tal-Hibs b’żewġ trippli konsekuttivi mill-istess kantuniera. Trippla ta’ Matthew Attard u punti ta’ Demcesen u Shoults reġgħu taw vantaġġ ta’ 9 punti lil Hibs qabel ma Mellieħa kellhom it-tielet trippla ta’ Azzopardi u l-punti ta’ Seldon u Wrighten. Mason Vires kellhu trippla għal Hibs flimkien mal-punti ta’ Keith Dimech u Soderholm però Mellieħa għalqu s-sessjoni bit-three pointers ta’ Vasovic u Jandric għal skor ta’ 59-62.

Mellieħa marru minn fuq fil-bidu tal-aħħar taqsima 9-2 kważi kollha minn Jandric. Hibs ippareġjaw però Mellieħa għamlu run oħra ta’ 10-3 hekk kif id-difiża tal-Hibs illaxkat u minkejja l-aħħar baskets minn Soderholm u Vires kienu Mellieħa li ħarġu rebbieħa 83-78.

Bupa Luxol …………………… 70

Depiro …………………………. 73

(9-20)(23-15)(21-16)(17-22)

Bupa Luxol: J. Cefai 8, N. Buhagiar, P. Attard 7, JP Schembri 11, A. Trapani, C. Coffey 27, S. Opojevlic 2, M. Matijevic 3, S. Cappello 12.

Depiro: S. Galea 3, A. Attard, N. Grech 5, TJ Atwood 21, M. Brincat 12, M. Mallia, A. Sullivan 12, M. Debattista, L. Vella, K. Thomas 20.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Iounut Ciurariu, Florentina Ciurariu.

Depiro ħadu r-raba’ rebħa tal-kampjonat wara li għelbu lil BUPA Luxol 73-70 biex ħallew lil dawn tal-aħħar b’rebħa waħda u seba’ telfiet. Depiro għamlu bidla fil-players Amerikani tagħhom fejn wara t-tluq ta Alex Oriakhi u Terrance Reese huma rreġistraw lil Avery Sullivan u Koby Thomas. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-2 wara punti minn Sullivan u trippla ta’ Nicholas Grech.  Wara risposta ta’ Luxol minn trippla ta’ Paul Attard, kien hemm run sabiħa ta’ 13-2 minn Depiro fosthom trippli minn Miguel Brincat u baskets minn TJ Atwood u Thomas biex huma għalqu l-ewwel sessjoni 20-9 minn fuq.

Luxol fetħu ferm aħjar fit-tieni perjodu tant li rnexxielhom jagħmlu l-ewwel 8 punti mingħajr risposta minn Canaan Coffey, Slavko Opojevlic u Stefan Cappello. Depiro waqqfuhom b’basket ta’ Grech però Luxol komplew jagħfsu u trippla ta’ Juan Cefai wasslithom sa’ punt ‘l bogħod 21-22. Depiro finalment irkupraw u għamlu run ta’ 11-3 bi trippla ta’ Brincat biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ disa’ punti 35-26. Hawn Luxol kellhom mument ieħor tajjeb bi break ta’ 6-0 bi trippla ta’ Coffey biex fl-intervall Depiro kienu 35-32 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Luxol reġa’ kellhom l-aħjar bidu hekk kif sensiela ta’ trippli minn Coffey u Jean Paul Schembri rathom imorru fuq quddiem 50-44. Huma kellhom ukoll il-punti minn Cappello u Paul Attard b’Atwood jirrispondi għal Depiro. Brincat għamel ir-raba’ trippla però ma kienetx biżżejjed biex Depiro jaqilbu r-riżultat hekk kif Luxol temmew it-taqsima basket minn fuq 53-51. L-aħħar sessjoni fetħet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin qabel ma Depiro għamlu run ta’ 9-2 li rathom jerġgħu jieħdu l-vantaġġ 63-58. Schembri kellhu trippla għal Luxol li reġgħu waslu sa’ basket ‘l bogħod però Depiro kienu preċiżi mill-freethrow line u rnexxielhom iżommu l-vantaġġ sa’ tmiem il-partita u jieħdu r-rebħa fuq skor ta’ 73-70.

Gżira Athleta ……………………….. 80

Starlites Naxxar ………………….. 89

(15-18)(26-24)(18-18)(21-29)

Gżira Athleta: Z. Hudson 23, S. Montague 28, F. Mifsud Bonnici 3, L. Stefanovic 5, N. Xuereb 12, M. Gouder 9, I. Xuereb, S. Vincic 4, J. Ransley, J. Caruana, S. Mangianello, B. Zammit.

Starlites: A. Felice Pace 15, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 6, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 3, J. Bates 13, L. Farrugia, K. Xuereb 14, J. Haynes 18, M. Thomas 20.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniela Torok

Starlites komplew isaħħu posthom f’ras il-klassifika meta għelbu lil Gżira Athleta 89-80 f’partita li rathom jieħdu vantaġġ kmieni però rat ukoll lill-Athleta jiġu lura, jmorru minn fuq biex imbagħad Starlites kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex jikkonfermaw ir-rebħa. Iż-żewġ timijiet ikkonfermaw lil players barranin tagħhom fil-waqt li Athleta rkupraw minn injuries lil Francesco Mifsud Bonnici u Matthew Gouder u reġa’ deher Jonathan Ransley. Starlites fetħu tajjeb u kmieni fil-partita kellhom it-trippli ta’ Jacob Bates u Kurt Xuereb biex marru 10-2 minn fuq. Ir-risposta tal- Athleta ġiet minn Nathan Xuereb u l-Amerikani Zachary Hudson u Shawn Montague fi break ta’ 9-2 li wassalhom sa’ punt ‘l bogħod 11-12.

It-taqsima kompliet b’punti fuq kull naħa għal skor ta’ 18-15 għal Starlites. Fit-tieni taqsima kien Jamiah Haynes li fetaħ bil-punti għat-team ta’ Paul Ferrante. Wara risposta minn Xuereb u Montague għall-Athleta li rathom jippareġjaw l-iskor 27-27, kien Alec Felice Pace li b’sensiela ta’ punti konsekuttivi fosthom żewġ trippli reġa’ poġġa lil Starlites minn fuq. Athleta għamlu run oħra ta’ 13-2 li poġġiethom għall-ewwel darba minn fuq però basket eżatt qabel tmiem is-sessjoni minn Bates ħalla lil Starlites fuq quddiem 42-41.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għalkemm kienu Starlites li ħadu vantaġġ wara trippli minn Xuereb u Ian Felice Pace. Athleta kellhom il-punti ta’ Gouder u Montague biex marru 3 minn fuq 55-52 iżda Starlites wieġbu permezz ta’ Myles Thomas, Haynes u Bates u temmew is-sessjoni minn fuq 60-59. Starlites fetħu l-aħħar taqsima b’run ta’ 10-3 biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 8 punti però Athleta reġgħu rkupraw u punti taż Hudson fosthom trippla naqqsitilhom id-distakk għal punt. Għal darb’oħra rajna lil Starlites jerġgħu jiftħu vantaġġ ta’ ta’ 10 punti u l-Athleta jirkupraw però run finali ta’ 7-2 kellha tkun deċisiva biex Starlites joħorġu rebbieħa 89-80.