“Inħalli l-kapiċità, il-ħila u l-obbligu tal-Maġistrat biex tagħmel xogħlha.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed iwieġeb għad-domnadi tal-ġurnalisti li nġabbru barra d-Dar Ċentrali tal-PN.
Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tal-Prim Ministru għall-aħbar li Joseph Muscat saritlu tfittxija mill-pulizija fid-dar tiegħu, Bernard Grech stqarr li minn din l-istorja ħareġ kif “għandek Prim Ministru li bħalissa jidher ċar li jinsab inkwetat ħafna u mhux qiegħed iffukat fuq il-problemi li għandu dan il-pajjiż.”
Meta kien qed iwieġeb għal aktar mistoqsijiet dwar din l-aħħar storja dwar esponenti tal-Labour, Bernard Grech saħaq li jħoss li l-allegazzjonijiet li saru minn Joseph Muscat wara li ħarġet l-aħbar tal-bieraħ filgħodu, huma biss “intiżi biex ineħħu l-attenzjoni minn fuqu.”
Bl-aktar mod ċar il-Kap tal-PN saħaq li jemmen l-istituzzjonijiet tagħna jistgħu jagħmlu xogħlom u għandhom jagħmlu xogħlom; “ejjew inħalluhom fil-libertà u fis-serenità biex jaqdu l-obbligi kostituzzjonali li għandhom lejn tal-poplu Malti u Għawdxi.
Bernard Grech qal li f’dan il-mument jemmen li huwa importanti ħafna li l-istituzzjonijiet iqumu għall-okkażżjoni. Hu wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jista’ jagħti garanzija li l-poplu jerġa’ jibda jgħix “fin-normalità li għandna bżonn.”
//= $special ?>