Lokali

Stagno Navarra jiftaħ libell lil LovinMalta

Karl Stagno Navarra hedded li se jkun qed jiftaħ libell kontra s-sit LovinMalta wara li, skont hu, huma rrappurtaw b’mod ħażin id-dettalji dwar il-pożizzjoni li għadu jokkupa fl-Air Malta.

Din l-aħbar ħarġet ftit jiem biss wara li l-Gvern keċċa nofs il-ħaddiema tal-Air Malta, bil-wiċċ tal-media Laburista Karl Stagno Navarra inżamm fuq il-kotba tal-kumpanija.

Filwaqt li kelliem għall-Air Malta kkonferma li l-preżentatur inżamm bil-kuntratt li kellu, Stagno Navarra ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-ġurnalisti tal-media indipendenti. U insista li hu “mhuwiex il-problema tal-Air Malta”.

Wara li ħarġet l-istorja tal-LovinMalta, Stagno Navarra kiteb hekk: “tajt struzzjonijiet lill-avukati tieghi biex jifthu kawza ta’ libell għad-danni. Dan hu rappurtaġġ malizzjuż u rresponsabbli.”

LovinMalta tenniet li Stagno Navarra qed idaħħal f’butu ċ-ċifra spettakolari ta’ €90,000 – xi ħaġa li hu qed jiċħad b’saħħa. Dan fl-istess waqt li nżamm imexxi programm ta’ propaganda kuljum fuq l-istazzjon laburista.

Żgur li Stagno Navarra għandu paga bażika li tibda minn €40,000 – xi ħaġa li lanqas hu stess ma ċaħad meta kien affaċjat xhur ilu bid-domandi ta’ Net News.

L-AirMalta minn naħa tagħha qed tgħid li l-kuntratt tiegħu huwa l-istess bħal dawk il-persuni fil-kumpanija li jokkupaw grad simili. Stagno Navarra kien iddaħħal mal-AirMalta fis-Sajf tas-sena 2019, meta l-linja nazzjonali tal-ajru kienet għadu f’idejn il-Ministru Konrad Mizzi – l-istess persuna li din il-gimgha fil-PAC ftahar li hu ħalla l-AirMalta fuq bażi finanzjarja soda, meta l-Ministru tal-Finanzi qal preċiżament l-oppost.