Basketball Sport

Starlites Naxxar ikomplu jirkupraw

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 46

ARMS Depiro 48

(14-11)(2-16)(12-13)(18-8)

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace 4, V. Selvaggi, S. Pace 13, M. Mercieca 2, N. Vella, F. Camilleri, H. Galea, A. Borg 5, P. Ellul, J. Diaby 19, S. Bonfiglio,  A. Fenech Pace 3.

ARMS Depiro: Ni. Agius 9, J. Xerri 8, L. Duncan 5, T. Mifsud Tanti, No. Agius, C. Ciantar 16, N. Borg 2, D. Galea 8, A. Mallia.

Referees: Nicky Azzopardi, Iounut Ciurariu, Florentina Ciurariu.

Depiro komplew jisfidaw lil Hibernians għall-ewwel post tal-klassifika u kisbu s-sitt rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Caffè Moak Luxol 48-46. Iż-żewġ timjiet kellhom biss players lokali hekk kif Luxol itterminaw il-kuntratt ta’ Jennifer Oramas li sofriet injury serja lejn tmiem is-sena li għaddiet fil-waqt li għal Depiro Hannah Johnson kienet indisposta. Depio kellhom nieqsa wkoll players bħal Monique Caruana u Nicole Hili fil-waqt li Sharon Vella kienet nieqsa għal Luxol. Il-partita kellha bidu kwiet u kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara baskets minn Antoinette Borg u Josephine Diaby.

Depiro wieġbu bi trippla ta’ Nicole Agius bil-Luxol jirrispondu bil-punti ta’ Anna Fenech Pace u trippla ta’ Sarah Pace. L-aħħar punti tas-sessjoni ġew minn Danika Galea u Agius għal Depiro però kienu Luxol li kienu fuq quddiem 14-11. It-tieni taqsima però kienet waħda ferm negattiva għall-vjola fejn fiha rnexxielhom jagħmlu biss basket wieħed minn Pace. Depiro minn naħa tagħhom fetħu bil-punti ta’ Claire Ciantar u sal-basket ta’ Pace kienu 19-14 minn fuq. Huma komplew bi trippla ta’ Leanne Duncan u l-punti ta’ Galea u Ciantar u daħlu jistrieħu 27-16 minn fuq.

Ir-rabja ta’ Santino Coppa fl-intervall dehret li ma kienetx effettiva hekk kif Depiro bdew bl-ewwel seba’ punti tat-tielet perjodu fosthom trippla ta’ Ciantar għal vantaġġ ta’ 18-il punt 34-16. Finalment kient Diaby li għamlet l-ewwel punti ta’ Luxol flimkien ma’ trippla ta’ Borg u bil-mod Luxol bdew inaqqsu d-distakk mill-avversarji li però baqa’ ta’ 12 -il punt fi tmiem is-sessjoni 28-40. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni, kien hemm mument tajjeb għal Luxol li bdew b’run ta’ 12-2 fosthom żewġ trippli ta’ Pace li rawhom jaslu sa’ basket ‘l bogħod 40-42.

Punti ta’ Julia Xerri taw xi ftit tan-nifs lil Depiro però Luxol kellhom iċ-ċans li jippareġjaw il-partita wara azzjoni ta’ basket u foul fuq Pace li però falliet il-free-throw u mill-attakk suċċessiv Xerri għamlet free-throw minn tnejn biex Depiro ħarġu rebbieħa 48-46.

Hibernians ……………………….. 49

Starlites Naxxar ……………….. 49

(14-23)(8-16)(19-10)(8-20)

Hibernians: M. Buhagiar, Y. Bonett 7, S. Brincat 5, J. Abela 9, K. Jenkins 14, N. Farrugia, K. Caruana 19, J. Dabic, J. Borg Cardona 2.

Starlites: A. Saliba, M. Riolo 18, S. Farrugia, M. Bonett 10, S. De Martino 17, K. Portelli, M. Fenech 5, D. Camilleri, S. Davies 2, C. Curmi 11.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Iounut Ciurariu, Vladimir Nikolic

Starlites Naxxar bdew is-sena l-ġdida kif temmew l-2021 meta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u għelbu lil leaders Hibernians 69-49 biex issa l-Pawlisti inlaħqu minn Depiro u Starlites laħqu lil Luxol. Dinkienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Hibernians li ħassew ferm in-nuqqas ta’ Ashleigh Van Vliet li kienet nieqsa fit-tlett partiti u tilfu wkoll lil Marie Buhagiar b’injury fit-tul u matul il-partita tilfu wkoll lil Sam Brincat. Huma kellhom lura wara nuqqas ta’ xi staġuni lil Elena Cassar fil-waqt li Starlites introduċew lill-player Amerikana Amelia Simmons li fil-passat lagħbet f’pajjiżna kemm mal-Athleta kif ukoll mal-istess Hibs.

Starlites fetħu l-partita b’run ta’ 11-4 bi trippla ta’ Steffi De Martino u l-punti ta’ Mikela Riolo, Christina Curmi u Simmons. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin, b’Kenyotta Jenkins tagħmel il-punti għal Hibs flimkien ma’ Ylenia Bonett u Jasmine Abela. Starlites komplew bi trippla ta’ Riolo u temmew l-ewwel sessjoni 23-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Hibs fetħu bil-punti ta’ Joselle Borg Cardona bi Starlites jirrispondu permezz ta’ Simmons u trippli minn Andie Saliba u De Martino. Hibs sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti u Starlites daħlu jistrieħu 39-22 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Starlites kabbru l-vantaġġ wara punti ta’ Simmons però hawn Hibs kellhom l-aħjar mument tagħhom fil-partita meta għamlu run ta’ 16-2 bi trippli minn Brincat, Abela u Kirsty Caruana flimkien ma’ Jenkins u naqqsu d-distakk għal sitt punti 38-44. Starlites irkupraw u għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Riolo għal skor ta’ 49-41. Fl-aħħar perjodu, Starlites reġgħu fetħu  tajjeb meta għamlu run oħra ta’ 11-2 b’żewġ trippli ta’ De Martino biex reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji 60-43. Hibs kienu demoraliżżati u ma setgħux jerġgħu jirkupraw biex Starlites għalqu l-logħba bi trippla oħra ta Riolo għal skor finali ta’ 69-49.