Internazzjonali

Ukrajna: Biden jemmen li r-Russja ‘tasal biex twettaq l-invażjoni’

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden jemmen li l-President tar-Russja Vladimir Putin, ‘il quddiem, jasal biex jibgħat lit-truppi tiegħu fl-artijiet tal-Ukrajna. Iżda waqt li jaħseb li Putin qed ‘jipprepara għall-invażjoni’, Biden ma jemminx li l-Mexxej Russu irid tassew li tinqala’ ‘gwerra fuq il-fronti kollha’ mal-Ukrajna’.

Joe Biden kompla li Putin irid iħallas ‘prezz qares’ f’każ li l-qawwiet tiegħu jinvadu lill-Ukrajna. Madankollu, l-Istati Uniti kapaċi tħares b’mod differenti lejn sitwazzjoni li turi ‘xi inkursjoni minima ta’ suldati Russi fl-Ukrajna’

Intant, il-White House f’Washington enfasizza xorta li kwalunkwe pass militari tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna għandu jiġġenera reazzjoni serja mill-Punent. Ir-Russja – li għandha mal-100,000 truppi fiz-zoni mal-fruntiera tal-Ukrajna — qed twissi li kummenti bħal dawn kapaċi jiddistabbilizzaw is-sitwazzjoni; b’Moska, sallum, għadha tiċħad li qed tippjana xi invażjoni.