Lokali

“Unur kbir għal Malta”

Ir-rebħa ta’ Roberta Metsola għat-tmexxija tal-Parlament Ewropew hija “unur kbir għal Malta”.

Hekk kiteb l-MEP u Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa meta għadda l-ewwel reazzjonijiet tiegħu wara dan is-suċċess ta’ Metsola, li issa qed tokkuppa din l-għola kariga fil-Parlament Ewropew.

Casa qal li ħadd qatt ma immaġina 20 sena ilu li xi darba kien ikollna mara Maltija fit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni. “Wasalna, għaliex aħna bħala Maltin emminna”, stqarr David Casa.

L-MEP Nazzjonalista fakkar kif pajjiżna tul is-snin għeleb il-biża’ ta’ min prova jivvinta xenarju ta’ UE li huwa ferm differenti mir-realtà. “Illum għandna Malta li qed tikkontribwixxi għall-proġett Ewropew. U politiku bl-isem ta’ Roberta Metsola li mmarkat l-istorja; kemm f’pajjiżna u anke fl-Unjoni Ewropea”.