Lokali

Abela għandu minnufih jikkundanna l-aġir tal-propagandista Laburista mħallas mit-taxxi tal-poplu lil Stagno Navarra – PN

Robert Abela għandu minnufih jikkundanna l-aġir tal-propagandista Laburist li hu mħallas mit-taxxi tal-poplu, Karl Stagno Navarra, wara li lbieraħ akkuża żewġ ġurnalisti li huma aġenti kkoordinati tal-kaos.  

Il-ġurnalisti kienu qed isaqsu mistoqsijiet ovvji: Għaliex Robert Abela ħassar l-vjaġġ tiegħu għad-Dubai Expo, lejliet ir-rejd fid-dar ta’ Joseph Muscat? Kien jaf li se jseħħ dan ir-rejd?  

Minflok wieġeb il-mistoqsija u ddikjara jekk kienx jaf jew le bir-raid tal-pulizija, Robert Abela ħarab milli jwieġeb, u ħalla f’idejn il-propagandista tiegħu biex jattakka l-integrità tal-ġurnalista lill-udjenza ta’ ONE TV. Din mhux l-ewwel darba li l-propagandista ta’ Robert Abela inqabad jattakka l-media indipendenti, wara li kien intalab jirtira kummenti fil-konfront ta’ ġurnalista ta’ Lovin Malta f’Ottubru. 

Abela qed jaħrab ukoll mit-12-il Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ il-ġurnaliżmu, is-saltna tad-dritt u jiġġieled il-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja. 

L-aġir tal-propagandista ewlieni tiegħu, jikxfu l-intenzjonijiet veri ta’ Robert Abela, li l-kontribut ewlieni tiegħu minn mindu laħaq Prim Ministru kien li żarma għal kollox kull integrità ġurnalistika fuq TVM. 

Abela għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Stagno Navarra, li qed jitħallas sa €90,000 mill-Air Malta, biex jaħdem fuq ONE TV. Dan filwaqt li impjegati ġenwini tal-linja tal-ajru tilfu xogħolhom wara disa’ snin ta’ tmexxija finanzjarja ħazina mill-gvern Laburist.