Lokali

Il-Ministru jħalli lill-ħaddiema tal-Air Malta fl-għama dwar fejn se jkunu trasferiti jekk japplikaw li jibqgħu maċ-Ċivil

Aktar laqgħat bejn il-Ministru u l-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru

Hekk kif qed tkompli għaddejja s-saga dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta, qed ikomplu jinżammu aktar laqgħat jaħarqu bejn diversi impjegati tal-linja nazzjonali tal-ajru u rappreżentanti tagħhom, fi gruppi separati, mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Dan wara li, il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Caruana ħabbar li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta kienu se jitilfu l-impjieg tagħhom fil-kumpanija, bl-unika għażla li fadlilhom hi li jaċċettaw li jmorru f’impjieg ieħor maċ-Ċivil.

Ħaddiema li tkellmu ma’ NET News spjegaw li filwaqt li f’kull laqgħa qed jikkonfermalhom l-intenzjoni tal-Gvern li l-ħaddiema jkollhom sat-28 ta’ Jannar biex jiddikjaraw jekk hux qed jaċċettaw li jkunu trasferiti għal impjieg ieħor taċ-Ċivil, baqa’ b’fommu sieket magħhom fejn se jkunu trasferiti dawk li japplikaw.

Fil-fatt, matul il-laqgħat, qed ikunu diversi l-ħaddiema li jistaqsu lill-Ministru tal-Finanzi dwar dan, iżda hu qed itihom x’jifhmu li għalissa ma jridx jgħidilhom fejn. Dan filwaqt li qed jagħmilha ċara, meta mistoqsi wkoll, li l-Gvern m’għandux flus x’jiddedika għal skema ta’ sensji volontarji.