Lokali

Imnedi dokument biex titkattar l-għaqda f’pajjiżna

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta nidiet dokument għad-diskussjoni pubblika bil-għan li tħeġġeġ liċ-ċittadini Maltin jirriflettu fuq kif bħala pajjiż nistgħu naħdmu sabiex tkompli tinbena l-paċi. Dan filwaqt li tippromwovi l-ġid komuni u l-benesseri ta’ dawk l-iktar vulnerabbli.

Dan id-dokument bl-isem ta’ Yahad hu maqsum fi tliet taqsimiet:

  1. L-ġrajjiet li kixfu l-ġrieħi tas-soċjetà Maltija, fosthom dawk ta’ Miriam Pace, Lassana Cisse u Daphne Caruana Galizia;
  2. Il-virtujiet li jistgħu jservu ta’ gwida matul il-proċess ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u tiġdid tas-soċjetà;
  3. U l-impenn fil-prattika ta’ kull ċittadin favur soċjetà li twarrab il-kultura tal-ħela

Preżenti kien hemm l-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi illi qal li dan id-dokument hu kontribut importanti għar-riflessjoni, diskussjoni u ispirazzjoni mill-valuri msemmija fid-dokument. Hu saħaq li dan id-dokument mistenni jkun leħen għal dawk il-persuni li jixtiequ jgħixu ħajja tajba… iżda sfortunatament jispiċċaw vittmi tal-inġustizzja.

Darmanin spjegalna kif huma qed jittamaw li dan id-dokument, li mhux biss hu immirat għall-adulti u l-politiċi iżda wkoll għat-tfal, ikun implimentat fis-soċjetà Maltija, b’mod speċjali għall-partiti politiċi fi żmien l-elezzjoni.

Il-Kummissjoni se tkun qed torganizza sensiela ta’ inizjattivi u attivitajiet li għandhom ikomplu jservu ta’ għajnuna għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.