Lokali Qorti

“It-Topo” se jixhed kontra “Il-Koħħu” bħal lum ġimgħa wara li s-seduta kienet posposta għax jinsab fi kwarantina

Il-Qorti se tisma’ l-evidenza ta’ Darren Debono magħruf bħala “It-Topo” kontra Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Jannar. Debono ammetta r-rwol tiegħu fl-attentat ta’ serqa bl-armi (hold up) fuq il-kwartieri ġenerali tal-HSBC fl-2010.

Debono kellu jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Monica Vella, nhar il-Ħamis li għadda (il-bieraħ) fil-kumpilazzjoni li reġgħet infetħet kontra Muscat, li l-ġimgħa l-oħra kellu jibda għaddej ġuri fuq il-każ, li iżda ġie sospiż wara li ftit tas-siegħat qabel Darren Debono kien ammetta l-involviment tiegħu fil-każ tal-HSBC.

Ix-xhieda tiegħu spiċċat differita minħabba li tpoġġa fil-kwarantina tal-COVID-19. Darren Debono, kellu jixhed dwar l-attentat ta’ serqa bl-armi f’Ġunju tal-2010 fejn kienu sparati aktar minn 60 tir fid-direzzjoni tal-pulizija li ssegwi, iżda, l-każ  ġie pospost wara li kien ordnat fi kwarantina.

Debono għandu kumplikazzjoni f’saħħtu u huwa meqjus bħala vulnerabbli. Huwa ma rriżultax pożittiv għall-virus iżda kien fil-kumpanija ta’ xi ħadd li ġie pożittiv. Aktar kmieni dan ix-xahar, Debono, kriminal magħruf bi storja twila ta’ każijiet fil-qorti, kien ikkundannat 10 snin u nofs ħabs bħala parti minn ftehim fuq l-istess każ.

Ftehim minn naħa tal-Avukat Ġenerali li ġab kritika qawwija u demotivazzjoni minn naħa ta’ ħafna mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, aktar u aktar peress li l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija spiċċat ridotta għal dik ta’ attentat ta’ ferita gravi.

L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo li qed jidhru għal Debono, kisbu dak il-ftehim iffirmat mal-prosekuzzjoni fil-lejl ta’ qabel il-proċess kontra Debono u l-ko-akkużat tiegħu Vincent Muscat, kien se jibda. Anke il-union tal-pulizija kkritikat bil-qawwa kollha din il-mossa tal-AĠ fost dawk li staqsew għaliex l-akkuża ta ‘attentat ta’ qtil kienet waqgħet.

Hemm tħassib ukoll dwar l-affidabbiltà ta’ Debono bħala xhud peress li qabel kien instab ħati li gideb taħt ġurament f’każ ta’ qtil. Li ġara kien li hekk kif kien se jibda l-ġuri ta’ Muscat, il-prosekuturi talbu lill-qorti biex tinkludi lil Debono fil-lista tax-xhieda.

L-avukati difensuri ta’ Muscat, Franco Debono u Roberto Montalto, oġġezzjonaw bil-qawwa, u saħqu li jkun ksur tad-dritt ta’ Muscat għal smigħ ġust li jisma’ xhud ġdid fl-istadju tal-proċess. Il-Qorti Kriminali bagħtet il-każ lura fil-Qorti tal-Maġistrati biex tisma’ x-xhud il-ġdid, u pposponiet il-bidu tal-ġuri għall-Ħamis, li spiċċa ma sarx. Issa dan se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej fin-12.30 pm. meta ikun għadda l-perjodu ta’ kwarantina fil-konfront ta’ Debono.