Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat serq ta’ karozzi permezz ta’ ‘tow truck’

Carmelo Butler min Birkirkara inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’serq ta’ karozzi permezz ta’ ‘tow truck’. Dan is-serq kien isir għal skop ta bejgħ ta’ parts u ħadid. Il-każ kien solvut wara nvestigazzjoni konġunta mill-pulizija tad distrett tal-Mosta Rabat u Qawra.

Is-serq kien isir minn diversi toroq fil-lokalitajiet tal-Mosta, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa. L-Ispetturi Godwin Scerri, George Frendo u Ryan Vella  ressqu lil Butler ta’ 58 sena quddiem il-Magistrat Nadine Lia, Saret talba għall-pleġġ mill-Avukat Edward Gatt, li sabet oġġezzjoni mill-prosekuzjoni minħabba fost affarijiet oħra li hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu, u għalhekk hemm il-biża tal-kontaminazzjoni tal-provi.

Is-serqiet imorru lura sa minn Novembru tal-2020 u fil-fatt Butler ġie mixli li fit-23 ta’ Novembru seraq karozza Hyndai minn San Pawl il-Baħar għall-ħabta tal-10.00a.m. Ġie mixli wkoll li fil-25 ta’ Marzu tas-sena l-oħra seraq karozza Mercedes mill-Mosta bejn id-9.00pm. u l-10.00 pm. u li xahar u ġurnata wara seraq BMW minn San Pawl il-Baħar fl-9.45a.m.

Butler ġie akkużat ukoll li nhar it-Tnejn li għadda, wkoll minn San Pawl il-Baħar seraq karozza Kia, u dan bejn il-11.00 a.m. u l-4.00 p.m. u li nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Jannar,  miċ-Ċirkewwa seraq karozza tal-għamla Mini għall-ħabta tas-7.00 a.m.  Il-prosekuzzjoni xliet ukoll lill-akkużat li laqa’ għandu oġġetti misruqa u li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti.