Lokali Qorti

Kumpens ta’ €14,000 għax tkeċċa b’mod inġust minn kumpanija tal-avjazzjoni

Ħaddiem ingħata kumpens ta’ €14,000 mit-Tribunal Industrijali wara li qalet li t-tkeċċija tiegħu kienet waħda inġusta u li hu qatt ma ngħata twissija mill-Management li ma kienx qed jonora d-dmirijiet tiegħu. Silvio Borg fetaħ il-proċeduri  kontra l-kumpanija Aviation Cosmetics Malta wara li fl-2018 tkeċċa wara sentejn ta’ servizz lill-kumpanija.  Huwa kien beda jaħdem fil-grad ta’ ‘Painter; b’xogħlu jkun li jiżbogħ l-ajruplani tal-passiġġieri.

Minn naħa tagħha l-kumpanija qalet li l-ħaddiem kien ta’ spiss juża’ ‘bullying’ mal-kollegi tiegħu. Sena wara li daħal fl-impieg Borg ingħata promozzjoni għall-grad ta’ Shift Leader, anke jekk skont il-kumpanija din ma kinitx kuntenta bl-atteġġjament tiegħu u tterminatlu l-impieg.

It-teżi tal-kumpanija f’dan il-każ kien li hija  keċċietu għax  la ried ikompli jiżbogħ l-ajruplani u kien imexxi x-xift tiegħu b’attitudni ta’ ‘bullying’  tant li darba kkonfronta kollega fil-parkeġġ tax-xogħol. Il-kumpanija qalet ukoll li minkejja li sabitlu post ġdid, dak ta’ Training Co-ordinator, l-aġir tiegħu baqa’ l-istess u kien għalhekk li keċċietu. Borg filwaqt li ċaħad dawn l-akkużi qal li sakemm tkeċċa, il-kumpanija dejjem qieset xogħlu bħala tajjeb u qatt ma qala’ warnings.

Saħaq li ma kienx interessat li jieħu l-kariga l-ġdida li ngħatatlu u minn hawn l-affarijiet marru għall-agħar. Wara li sema’ liż-żewġ verżjonijiet it-Tribunal Industrijali, presedut miċ-Chairperson Harold Walls , qal li kemm-il darba saħaq li l-warnings iridu jkunu rreġistrati bil-miktub.

Dan sabiex mhux biss ikun hemm konferma li dawn ingħataw imma wkoll sabiex l-impjegat ikollu l-opportunità li jekk iħoss li għandu jikkontestahom verbalment, ikollu l-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu.

Walls qal li dan kollu ma seħħx u u għalhekk Borg ma kellu ebda każ ta’ dixxiplina kontrih. Borg tkeċċa mingħajr m’għadda minn proċess ta’ dixxiplina u mingħajr ma kellu ċans jiddefendi lilu nnifsu, qal it-Tribunal

Kien għalhekk li waqt li qies it-tkeċċija ta’ Borg bħala nġusta u kontra l-liġio, ordna lill-kumpanija tħallsu €14,000 f’kumpens. Borg kellu jassistih lill-Avukat Abigail Critien waqt li għall-kumpanija deher l-Avukat Michael Tanti-Dougall.