Lokali

L-2021: Sena ta’ rekords meteoroloġiċi

L-għola temperatura tas-sena kienet ta' 41.5°C filwaqt li l-inqas kienet ta' 5.8°C

Is-sena 2021 ġabet magħha numru ta’ rekords meteoroloġiċi… kemm fejn tidħol l-ogħla temperatura u anke dik l-iktar baxxa.

Fil-fatt, ix-xahar ta’ Diċembru ġab fi tmiemu sena ta’ rekords hekk kif tkejlu 18-il siegħa xemxin aktar min-norma… filwaqt li t-temperatura tal-arja medja kienet 0.6 gradi aktar baxxa minn dik mistennija.

Rekord ieħor hu dak tal-ogħla temperatura għall-ewwel xahar tas-sena sa mill-1923… bit-temperaturi tal-arja f’Jannar u Frar kienu ogħla min-norma… bl-ogħla temperatura f’Jannar tkun ta’ 25.8 gradi li ntlaħqet hekk kif riħ sħun minn fuq id-Deżert tas-Sahara nqabad fuq il-gżejjer Maltin.

Ix-xhur tas-sajf kienu iktar sħan u xotti milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena…

L-ogħla temperatura tas-sena ntlaħqet f’Ġunju… dik ta’ 41.5 gradi matul mewġa ta’ sħana li damet 12-il jum… rekord preċedenti tal-ogħla temperatura għal dan ix-xahar.

U l-iktar temperatura baxxa tal-2021 niżlet għal 5.8 gradi celcius fil-15 ta’ Frar.

Ix-xahar t’Ottubru, imbagħad, hu meqjus bħala t-tielet l-iktar Ottubru li ra xita mill-1922 hekk kif niżlet 246.2 millimetru. Novembru wkoll kien wieħed mill-iktar imxarrab min-norma klimatika… bir-rekords tal-Uffiċju Meteoroloġiku juru li l-gżejjer Maltin kienu ilhom 22 sena ma jersperjenzaw ħarifa daqstant imxarrba.