Internazzjonali

L-Istati Uniti u r-Russja jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-Ukrajna

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, iltaqgħu għal taħditiet sinifikanti dwar l-Ukrajna — b’dawn iż-żewġ protagonisti qed ifissru d-djalogu ta’ bejniethom bħala wieħed ‘dirett u konċiż’.

Issa — wara t-taħditiet f’Ġinevra — mistenni li l-Istati Uniti, il-ġimgħa d-dieħla, tenfasizza l-pożizzjoni tagħha dwar l-Ukrajna bil-kitba u qabel isiru aktar taħditiet dwar il-kriżi.

Intant kompla l-inkwiet dwar xi 100,000 truppi Russi stazzjonati mal-fruntiera tal-Ukrajna — bil-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jinsisti biex il-Punent jirrispetta s-sigurtà ta’ pajjiżu u biex l-Ukrajna ma titħalliex tissieħeb fin-NATO.

Fl-2014 ir-Russja kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna wara li l-Ukreni kienu warrbu lill-eks President tagħhom li kien jiffavorixxi lil Moska. Intant, il-milizzji appoġġjati mir-Russja imbagħad ħatfu u kontrollaw zoni kbar fl-Ukrajna tal-Lvant wara gwerra mdemmija mal-qawwiet tal-Gvern Ukren. Issa hemm il-biża’ li l-konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna jiżbroffa mill-ġdid u b’mod inkontrollabbli — waqt li l-qawwiet Russi jaqsmu l-fruntiera u jinfiltraw it-territorji Ukreni.

Fl-aħħar sigħat, Antony Blinken wissa lil Lavrov li l-alleati tal-Punent għandhom jirreġġixxu bil-qawwi għal xi invażjoni tal-Ukrajna. Madankollu, hu tenna li l-Istati Uniti qed taħseb ukoll biex tindirizza t-tħassib tar-Russja ‘fl-ispirtu tar-reċiproċità’ u fid-dawl tas-sitwazzjoni.

Blinken ħeġġeġ ukoll biex ir-Russja twaqqaf l-aggressjoni fil-konfront tal-Ukrajna. fejn tenna li l-istakkamenti tat-truppi mal-fruntiera qed jagħtu lil Moska l-kapaċità biex tattakka lill-Ukrajna ‘mill-artijiet tan-nofsinar, il-lvant u t-tramuntana’.

Sergei Lavrov wieġeb li t-taħditiet ma’ Blinken kienu ‘utli’ iżda, fl-istess ħin, akkuża lin-NATO b’li qed taħdem kontra r-Russja. Sadanittant, Lavrov irrepeta ‘il-pożizzjoni ta’ Moska’ fis-sens li ‘ir-Russja qatt ma ħarġet bit-theddid għall-poplu tal-Ukrajna’. Madankollu, il-Ministru Russu ma żammx lura milli jakkuża lill-Gvern Ukren dwar ‘terroriżmu fil-konfront tar-ribelli separatisti ( fl-Ukrajna) li huma alleati ta’ Moska’. Akkuża oħra kienet li l-Gvern tal-Ukrajna ‘ipprova jkisser’ il-ftehim għall-paċi dwar il-konflitt fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.