Lokali Qorti

Miċħuda t-talba tal-libertà proviżorja ta’ Dragomanski mixli bi qtil doppju fl-2020 f’Tas-Sliema

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja ta’ Viktor Dragomanski, wieħed mit-tliet akkużati fl-omiċidju doppju tat-tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Dan minħabba dak solliċetat mill-Avukat Ġenerali, dik li l-akkużat m’għandux rabtiet sodi ma’ Malta.

Dragomanski qed iwieġeb mhux ħati ta’ qtil doppju u qed jgħaid li ma kienx ġewwa l-post tal-omiċidju u dan irriżulta kemm mill-marki tas-swaba’ kif ukoll mill-filmati tas-CCTV. Pandolfino u Maciejowski kienu ġew maqtula fit-18 t’Awwissu 2020 fid-dar tagħhom fi Triq Locker f’Tas-Sliema. Iż-żewġt irġiel inqatlu permezz ta’ sparaturi. Huma kienu nstabu f’sulari differenti tad-dar.

Viktor Dragomanski, Maċedonu ta’ 39 sena li kien residenti Tas-Sliema qabel ma spiċċa l-ħabs, qed jiġi mixli wkoll b’serq ta’ ġojjellerija, li żamm persuni kontra r-rieda tagħhom, li ġarr arma tan-nar mingħajr permess, li laqa’ għandu oġġetti misruqin.

Qed jiġi akkużat ukoll li nhar it-3 u 18 ta’ Awwissu li għadda seraq pjanċi ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura. Daniel Muka u Jesper Kristiansen ukoll qegħdin jiġu akkużati bil-qtil doppju u wkoll għandhom jinżammu taħt arrest. Fil-Qorti kien ħareġ li l-oġġetti tad-deheb li kien hemm fid-dar huma stmati li jammontaw għal aktar minn €106,000.

Dan kien qalu Francesco Zampa wara li stmaha l-oġġetti kollha. Fost l-oġġetti kien hemm ġiżirana li l-valur tagħha huwa ta’ €3,385 u ċurkett li jiswa €1,600. L-Ispettur Colin Sheldon u l-Avukar George Camilleri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukat Franco Debono flimkien mal-Avukat Francesca Zarb qegħdin jidhru għal Dragomanski, wara li dan l-aħħar ħadu l-patronċinju tal-każ riċentement.