Lokali

Owen Bonnici jappoġġja t-theddida ta’ Abela fuq l-istituzzjonijiet

Owen Bonnici, li darba kien il-Ministru responsabbli mill-Qrati u l-Ġustizzja, appoġġja dik li ħafna sejħulha theddida mill-Prim Ministru Robert Abela fuq l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, wara r-raid li sar fid-dar tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Fil-fatt, ftit sigħat biss wara li l-Pulizija wettqu r-raid fir-residenza ta’ Muscat f’Burmarrad, Abela kkummenta mal-media u – għal tliet darbiet – qal lill-investigaturi biex joqgħodu attenti għax tintilef il-fiduċja li għandu fihom.

Fl-aħħar jiem, din it-theddida ta’ Abela ġabet il-kundanna ta’ ħafna li, fuq il-media soċjali, ikkummentaw dwar kif il-Prim Ministru – li suppost jissalvagwardja lill-istituzzjonijiet – spiċċa jheddidhom għax ma jridx jitlef l-appoġġ tal-partitarji Laburisti li għadhom jaduraw lil Muscat.

U min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li jaqbel ma’ dak li qal Robert Abela, tant li kliemu jtennihom hu wkoll. Iżda biex la jinten u lanqas ifuħ mal-partitarji ta’ Abela jew ma’ dawk ta’ Muscat, hu ma ħassux komdu jwieġeb lil min qed jappoġġja.

Dan f’konferma ta’ kemm dak li qal Joseph Muscat – fil-filmat li xandar fuq Facebook – kien indirizzat lil Abela u t-tmexxija tiegħu. Kumment li heżżeż sew lill-Partit Laburista, li issa jidher li jrid jinqata’ għal kollox mill-eks Mexxej.