Lokali

Rapporti jindikaw li Joseph Muscat ingħata kuntratt ta’ NOFS MILJUN EWRO mill-kumpanija marbuta ma’ Steward Healthcare

Robert Abela jħoss il-pressjoni interna tkompli tikber

Informazzjoni ġdida li ħarġet fl-aħħar sigħat tindika li l-kuntratt ta’ konsulenzi li ħa l-eks Prim Ministru Joseph Muscat mingħand il-kumpanija Żvizzera Accutor AG mhuwiex biss ta’ €60,000. U skont Matthew Caruana Galizia, dan l-ammont kien biss parti żgħira mill-ħlas li kellu jieħu Muscat.

Iben Daphne Caruana Galizia qed jgħid li l-kuntratt li taw Accutor lil Muscat kien ta’ xejn anqas minn €540,000. Fil-fatt, l-eks Prim Ministru kien qed jingħata €15,000 fix-xahar mingħand din il-kumpanija Żvizzera – u l-pagamenti waqfu biss għaliex il-bank UBS għalaq l-accounts tal-Accutor.

Joseph Muscat minn naħa tiegħu qed jibqa’ jiċħad li għamel xi ħaġa illegali. Għalkemm wara r-raid tal-Pulizija fuq id-dar tiegħu, hu ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Qrati u l-investigaturi. Bil-Prim Ministru Robert Abela jkolli jbaxxi rasu u jdoqq l-istess diska. Tant li anke Abela innifsu spiċċa jgħid li “l-istituzzjonijiet għandhom joqgħodu attenti”.

Ftit wara li Muscat kien irriżenja minn Prim Ministru, hu kien daħħal f’butu €60,000 f’erba’ pagamenti. Dawn il-flus ingħataw mill-kumpaniji Accutor u Spring X Media għal servizzi ta’ konsulenzi. Il-kumpaniji kienu immexxija mill-avukat Pakistani Wasai Batti, u kienu ibbażati fl-istess indirizz fl-Iżvizzera – indirizz li fih kemm hemm reġistrata wkoll il-kumpanija VGH Europe.

Eventwalment, Spring X kienet ġiet likwidata, filwaqt li Accutor kienet falliet.

X’inhi r-rabta ma’ Steward Healthcare?

Meta kien hemm it-trasferiment bejn Vitals u Steward illi eventwalment ħadu t-tliet sptarijiet, kważi €4 miljun marru direttament għand il-kumpanija Accutor. Dan kien ġie żvelat f’Novembru li għadda mit-Times.

U allura, l-istess kumpanija li tat konsulenzi lil Muscat hija dik il-kumpanija li ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare.

Bħalissa l-Maġistrat Gabriella Vella qed tmexxi inkjesta b’rabta ma’ dan id-deal tal-isptarijiet. U kien propju minħabba din l-inkjesta li ġie ordnat ir-raid fuq id-dar ta’ Joseph Muscat f’Burmarrad.

U minkejja li l-Awditur Ġenerali, għal darba darbtejn, ikkundanna dan id-deal tal-isptarijiet – il-Gvern ta’ Robert Abela, għal xi raġuni, qed jibqa’ jimpala l-miljuni kull sena lil Steward.

Wieħed irid ifakkar ukoll li fil-Qorti għadha għaddejja l-kawża miftuħa mill-eks Kap tal-PN Adrian Delia biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.