Lokali

Sentejn wara… Muscat jheżżeż il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela

Bosta Laburisti huma rrabbjati ferm li Abela ppermetta r-raid fuq dar Joseph Muscat

Robert Abela sab ruħu f’ħolma mill-aktar koroh wara li nhar l-Erbgħa il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat heżżiżlu l-awtorità tiegħu bħala mexxej tal-Labour.

Muscat deher jiġbed it-tapit minn taħt saqajn Abela meta, wara li saritlu raid f’daru kmieni filgħodu bħala parti minn inkjesta, qal li lest jerġa’ joħroġ jitkellem man-nies. Fattur li qanqal terremot f’Kastilja, b’Abela issa qed iħoss postu u l-awtorità tiegħu mhedda tant li ħass il-ħtieġa li jsejjaħ lill-membri tal-Gvern fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja ftit ftit biex jipprova jerġa jistabbilixxi ruħu magħhom bħala dak li għandu l-aktar saħħa bejnu u bejn Muscat. Jidher li hu ħeġġiġhom ukoll jippruvaw jikkalmaw lill-ħafna Laburisti li qed jerġgħu iħossuhom aktar qrib ta’ Muscat milli tiegħu.

Kienu bosta dawk li rreaġixxew b’saħħa għall-filmat li tella’ l-eks Prim MInistru jumejn ilu. Fosthom reazzjonijiet b’saħħithom ferm bħal dik ta’ Jason Micallef, Chairman tal-istazzjon Laburista u Manuel Cuschieri, xandar fuq il-One, li t-tnejn sejħu biex jinżlu n-nies fit-toroq biex jiddefendu l-unur ta’ Muscat.

Parti mill-post taċ-Chairman tal-One Jason Micallef
Il-post ta’ Emanuel Cuschieri

L-Avukat Joe Brincat, eks Ministru Laburista fis-sebgħinijiet, ukoll tella’ filmat fuq Facebook fejn iddefenda d-drittijiet ta’ Muscat u saħansitra allega li l-Maġistrat kienet kisret id-drittijiet tiegħu u tal-familja tiegħu meta ordnat raid fis-7.00am, u biex jagħmel dan, irrefera għal sitwazzjoni simili meta Pulizija kienu rrejdjaw id-dar tal-eks Ministru kontroversjali Lorry Sant.

Joe Brincat allega ksur tad-drittijiet ta’ Joseph Muscat

Il-messaġġ li qed jgħaddu esponenti tal-Labour qed jiffumentaw sentiment ta’ rabja kemm fil-konfront tal-Maġistrat kif ukoll fil-konfront ta’ Robert Abela li skont huma ppermetta lil jsir dan ir-raid fid-dar tal-eks Mexxej Laburista li ħafna għadhom jikkunsidrawh bil-bosta aktar b’saħtu mill-Prim Ministru li ħadlu postu sentjen ilu.