Lokali Qorti

Sirjan jinżamm arrestat wara qabda ta’ 150 pakkett kokaina

Il-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest lil raġel Sirjan li allegatament inqabad mill-pulizija b’150 pakkett kokaina fil-pussess tiegħu ħdejn ir-residenza tiegħu f’Ħal Balzan nhar l-Erbgħa li għaddew. Wasim Brghol tressaq il-Qorti mill-ispettur tal-pulizija Alfredo Mangion quddiem il-Maġistrat Nadine Lia akkużat b’pussess ta’ kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kienux maħsuba għall-użu personali tiegħu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-qabda tad-droga saret wara operazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi u dan wara jiem ta’ sorveljanza, nhar l-Erbgħa stess il-Pulizija wettqet rejd f’garaxx f’Ħal Balzan. Malli daħlu ġewwa, il-Pulizija sabu lir-raġel u minn tfittxija li saret fil-garaxx instabu madwar 150 pakkett b’sustanza bajda, allegatament droga kokaina, lesta għat-traffikar, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Il-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace qegħda tmexxi inkjesta L-Ispettur qal lill-Qorti li kien instab ammont “konsiderevoli” ta’ droga fil-pussess tal-akkużat. L-avukati difensuri tiegħu, iżda, irrimarkaw li l-qorti ma ngħatatx ​​il-piż preċiż tad-droga. Wara li f’isema is-Sirjan wieġbu mhux ħati, l-avukati ta’ Brghol, Franco Debono, Marion Camilleri u Mario Mifsud talbu l-ħelsien mill-arrest.

L-avukati argumentaw li kien disponibbli indirizz alternattiv, fid-dawl tal-fatt li l-prosekuzzjoni kienet enfasizzat il-fatt li l-akkużat jaqsam indirizz ma’ xhud potenzjali u oġġezzjinat bil-qawwa kollha biex is-Sirjan jingħata l-pleġġ. Il-Qorti, ċaħdet il-libertà proviżorja f’dan l-istadju.