Internazzjonali

Vatikan: Il-Papa Franġisku jenfasizza l-isforzi għall-ġustizzja f’każi ta’abbuż

Il-Papa Franġisku enfasizza li l-Knisja Kattolika qed tistinka biex issir il-ġustizzja mal-vittmi tal-abbuż ta’ minorenni taħt idejn membri tal-kleru. Id-dikjarazzjoni tal-Papa ngħatat sigħat wara li rapport speċifiku kkritika bil-kbir lill-Kap tal-Kattoliċi ta’ qablu – il-Papa Emeritu Benedittu XVI –  talli hu, allegatament, ma ħax azzjoni xierqa fil-konfront ta’ qassisin li abbużaw mit-tfal.

Ir-rapport ħareġ fil-Ġermanja u kien jitratta abbuż sesswali li seħħ fl-Arċidjoċesi ta’ Munich u Freising. Intant, ir-rapport ikkonkluda li kien hemm talanqas 500 vittma ta’ atti indiċenti mwettqa minn talanqas 235 persuna – fosthom 173 qassis – bejn l-1945 u l-2019.

Kien irrappurtat li l-Papa Emiritu Benedittu naqas minn azzjoni fil-konfront ta’ erba’ każi ta’ abbuż meta hu kien għadu l-Arċisqof ta’ Munich, bejn l-1977 u l-2019. Min-naħa tiegħu, il-Papa Emeritus għadu jiċħad li għamel l-iżbalji relatati mal-erba’ każi jew li hu seta’ kien involut f’xi cover-up.   

Il-Papa Franġisku issa informa lill-membri tal-Kongregrazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi li l-Knisja ‘tinsab determinata biex tagħti sehemha fl-isforzi biex issir il-ġustizzja mal-vittmi li sofrew abbuż taħt idejn il-membri (tal-knisja)’.   Il-Kap tal-Kattoliċi fakkar li hu stess kien aġġorna l-kriterji applikati għal reati li huma riservati għall-Kongregazzjoni għad-Duttrina bbażata fil-Palazz tas-Santa Sede, f’Ruma.

L-aġġornament sar bil-għan li l-proċess lejn azzjoni ġudizzjarja tkun aktar diretta u inċisiva, Il-Papa, intant, fisser dan il-pass bħala wieħed neċessarju għall-ġustizzja u għar-rispett tal-vittmi tal-abbuż.