Futbol Sport

Balzan jerġgħu jonqsu milli jżommu vantaġġ ta’ żewġ gowls u jieħdu biss punt kontra Ħamrun

Ritratt (Joseph Galea)

Rowen Camilleri

BALZAN…………….2

ĦAMRUN S………..2

Balzan: J. Galea, A. Loof, M. Grima, P. Fenech, U. Ljubomirac, M. Zlatkovic, G. Camilleri, M. Mijic, A. Andrejic, B. Kaljevic (S. Jalu 67’), S. Cipriott

Ħamrun S.: H. Bonello, D. Gojkovic (S. Borg 70’), M. Guillaumier, J. Mbong, F. Sasere, L. Gambin (P. Djordjevic 76’), K. Micallef (J. Corbalan 46’), I. Ntow (A. Oyama 36’), C. Dielna, E. Marcelina (J. Soares 70’), F. El Bakhtaoui

Imwissija: I. Ntow 27’ (Ħ), M. Mijic 38’, P. Fenech 81’ (B)

Tkeċċa: S. Borg 75’

Skorjaw: B. Kaljevic 29’, 40’(B), F. El Bakhtaoui 63’ 90’ pen (Ħ)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella u Luke Portelli

Il-Mument Plejer tal-logħba: Uros Ljubomirac (Balzan)

BOV Plejer tal-logħba: Bojan Kaljevic (Balzan)

F’partita mimlija episodji speċjalment fit-tieni taqsima, Ħamrun Spartans irnexxielhom jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls biex kisbu punt u baqgħu bla telfa għal ħames darba konsekuttiva. Minn naħa tagħhom żgur li Balzan ħarġu ddiżappuntati minn dan il-konfront wara li għat-tieni darba din il-ġimgħa, ma’ rnexxielhomx iżommu vantaġġ ta’ żewġ gowls, b’din id-darba tal-inqas ma’ ħarġux b’idhom vojta għal kollox. Il-gowls ġew skurjati minn doppjetti ta’ Bojan Kaljevic u Faissal El Bakhtaoui, bil-gowls tal-Marokkin ta’ Ħamrun ikunu minn żewġ penalties. Qabel il-partita, il-kowċ ta’ Balzan Paul Zammit kien ipreżentat bl-unur tal-coach tax-xahar ghal Diċembru mill-Viċi President tal-MFA Adrian Casha.

Wara biss ħames minuti Ħamrun marru fuq l-attakk. Kienet ħarba ta’ El Bakhtaoui li rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja iżda x-xutt tiegħu kien fjakk u spiċċa f’idejn Galea. Fit-13-il minuta Gambin tefa’ kross insidjuż fil-kaxxa u d-difensur ta’ Balzan Loof f’tentattiv li jbiegħed il-periklu għoddu tefa’ fix-xibka tiegħu stess bil-goalkeeper sieħbu Jake Galea jkollu jwettaq save u jdawwar f’korner. L-ispartans komplew jiddominaw u fil-21 minuta reġa kellhom ċans ieħor meta reġa kien Faissal El Bakhtaoui li daħal fil-kaxxa u prova xutt iżda kien imtajjar parzjalment mid-difiża, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Guillaumier li prova mill-ewwel bid-difiża ddawwar f’korner. Fid-29 minuta Balzan marru fil-vantaġġ. Kien żball f’nofs il-grawnd ta’ Karl Micallef li approfitta minnu Aleksa Andrejic li ħarab mal-linja u tefa’ kross fil-kaxxa li sab lil BOJAN KALJEVIC fil-post preċiż li bla ebda diffikultà tefa’ ġewwa. Dan il-gowl kien il-mitt wieħed għall-attakkant Montenegrin fil-Kampjonat Premier li jinkludu gowls li skurja wkoll ma’ Valletta u Mosta. Wara dan il-gowl l-iskwarda mmexxijja minn Paul Zammit deheret aktar organiżżata tant li fl-40 minuta wasal it-tieni gowl. Reġa kien żball difensiv, din id-darba minn Calude Dielna li tilef il-ballun u din id-darba kien Ljubomirac li approfitta u tefa l-ballun fil-kaxxa fejn reġa kien hemm BOJAN KALJEVIC fl-istess post tal-ewwel gowl li tefa l-ballun fix-xibka.

Balzan baqgħu bl-istes ritmu fit-tieni taqsima u fit-52 minuta reġgħu qabdu lil Ħamrun fuq sieq waħda fejn reġa kien Ljubomirac li mill-kaxxa qassam lejn in-nofs iżda d-difiża ta’ Ħamrun tajjret fil-ħin dak li seta kien periklu serju. Għaxar minuti wara Ħamrun ingħataw penalty meta kien El Bakhtaoui li deher jitwaqqa fil-kaxxa bir-referee Ismael Barbara jsaffar għal minnufieħ. Kien l-istess FAISSAL EL BAKHTAOUI li nkariga ruħu mill-11-il metru u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Jake Galea. Dan il-gowl biddel l-andament tal-logħba u Ħamrun reġgħu marru viċin meta kien El Bakhtaoui li prova xutt ċentrali li iżda sab lil Galea attent li laqa’ tajjeb. Fit-73minuta reġgħu Ħamrun li marru viċin meta kien Guillaumier li prova xutt minn barra bil-goalkeeper Jake Galea jkollu jdawwar f korner. Fil-75 minuta Ħamrun ħadu daqqa ta’ ħarta meta wara li kien ilu biss ħames minuti fil-grawnd, is-sostitut Steve Borg tkeċċa b’karta ħamra diretta wara li deher jgħati daqqa b’idu lil Andrejic. Fit-90 minuta Ħamrun ingħataw it-tieni penalty meta kien Gary Camilleri li waqqa lis-sostitut Dodo. Mill-11-il metru reġa kien FAISSAL EL BAKHTAOUI li għeleb lil Galea. B’xorti tajba għal Balzan ma’ kienx għad fadal aktar ħin hekk kif Ħamrun baqgħu jipressaw għal gowl tar-rebħa iżda l-iskor baqa ma’ nbiddilx u ż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed.