Lokali

“Bżonn ta’ bidla fil-kultura għar-rispett lejn in-nisa” – numru ta’ għaqdiet dwar il-qtil xokkanti ta’ Dembska

“Hemm bżonn titjib fil-liġijiet u s-servizzi pubbliċi… iżda b’mod speċjali bidla fil-kultura sabiex in-nisa jkunu stmati daqs l-irġiel.”

Kienet din is-sejħa li saret is-Sibt filghodu quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Furjana waqt dimostrazzjoni bit-tema “Għejjejna u Xbajna”.. dimostrazzjoni li matula dawk preżenti talbu għal iktar għarfien tal-Pulizija fejn jidħlu l-femiċidji… dan wara l-każ xokkanti tal-qtil u stupru ta’ Paulina Dembska.

Matul id-dimostrazzjoni, organizzata minn 14-il għaqda, kienet espressa r-rabja u l-frustrazzjoni lejn is-sistema patrijarkali li l-aħħar manifestazzjoni qawwija u riċenti tagħha kienet mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Din il-protesta saret ftit jiem wara l-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra b’daqqiet ta’ arma bil-ponta f’darha stess ġewwa Ħaż-Żabbar.

Waqt id-dimostrazzjoni, l-għaqdiet irriferew għall-istqarrija tal-Pulizija meqjusa bħala insensittiva u xejn infurmata biex, fi kliemhom, ipprovaw jiġġustifikawha li l-każ ta’ Dembska ma’ kienx femiċidju hekk kif l-allegat aggressur kien attakka żewġt irġiel qabel. Madanakollu, huma saħqu li dan ma jfissirx li d-delitt mhuwiex marbut mal-ġeneru.

Intqal kif in-nisa spiċċaw jibżgħu joħorġu fit-toroq weħidhom jew joħorġu kif tinżel ix-xemx minħabba l-inċertezzi u l-biża’ li jiġu ffastidjati.

Huma talbu biex l-awtoritajiet f’pajjiżna jieħdu l-każ ta’ Dembska u ħafna vittmi oħrajn bis-serjetà biex ma nerġgħux naraw sitwazzjonijiet simili.

U biex il-kultura tinbidel, huwa importanti li t-tfal , sa minn eta zghira, jinghataw edukazzjoni dwar ir-rispett lejn kull individwu. Dan hekk kif wieħed qatt m’għandu iqis l-inugwaljanza bħala n-norma u l-fastidju sesswali bħala ċajta. Dawk prezenti għal din id-dimostrazzjoni saħqu li kull persuna li tkun f’relazzjoni għandha titratta lill-persuna l-oħra b’rispett, ugwaljanza u kunsens.

Ritratti: Matthew Tabone