Internazzjonali

Fl-Awstrija t-tilqim għal kontra l-Covid-19 ser isir obbligatorju

Fl-Awstrija mill-ewwel ta’ Frar, it-tilqim għal kontra l-coronavirus se jsir obbligatorju.

B’din il-liġi, dan il-pajjiż ser ikun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ser jimponi lill-poplu Awstrijak sabiex jieħu it-tilqim għal kontra dan il-virus. Filfatt, minn nofs Marzu, dawk li ma jkunux għadhom ħadu t-tilqima tal-Covid-19, se jkunu suġġetti għal multi sa massimu ta’ €3,600.

S’issa jidher li 72% tal-poplu Awstrijak huma imlaqqma kompletament kontra dan il-virus. Intant .. din il-miżura mistennija tibqa’ fis-seħħ sa Jannar tas-sena 2024, bil-gvern jinvesti €1.4 biljun f’miżuri oħra maħsuba sabiex jinkoraġġixxu lin-nies li għadhom mhux imlaqqma sabiex ibiddlu fehmthom u jieħdu t-tilqima.

F’aħbar oħra, il-gvern tal-Irlanda ddeċida li jneħħi kważi għalkollox ir-restrizzjonijiet kollha tal-Coronavirus. Dan wara li l-mewġa tal-varjant Omicron f’dan il-pajjiż qed tidgħajjef, filwaqt li l-maġġoranża tal-poplu Irlandiż huwa mlaqqam b’mod sħiħ għal-kontra l-virus.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Irlandiż Michael Martin ħabbar ukoll li mis-Sibt, il-bars, ristoranti u ħwienet oħra tal-catering jistgħu jerġgħu jibdew joperaw b’mod normali, filwaqt li n-nies mhux se jkunu obbligati juru ċ-ċertfikat tal-vaċċin meta jżuru dawn il-postijiet.

Huwa qal ukoll li d-distanża soċjali kif ukoll il-limitu ta’ spettaturi mhux se jibqghu fis-seħħ kemm f’avvenimenti fuq barra kif ukoll fuq ġewwa.

Apparti dawn, mit-Tnejn kull ħaddiem mistenni jirritorna fuq il-post tax-xogħol hekk kif ir-remote working se jispiċċa.

F’aħbar oħra minn Franza, il-Prim Ministru Jean Castix qed ikompli jħeġġeġ lill-poplu Franċiż sabiex jlaqqam lit-tfal li għandhom bejn il-5 u l-11-il sena. Dan hekk kif, minn din il-kategorija, 3% biss tat-tfal għadhom tlaqqmu għall-kontra dan il-virus.

Sadanittant, it-tilqim f’pajjiżi oħra miexi ġmielu. Dan hekk kif 26% tat-tfal fl-Italja irċivew id-doża tal-vaċċin, filwaqt li fi Spanja madwar 45% tat-tfal li jaqaw f’din il-kategorija diġa tlaqqmu bl-ewwel doża. Anka fil-Ġermanja.. għalkemm il-pajjiż jidher xettiku dwar il-vaċċin, sa issa 15% ħadu l-ewwel doża filwaqt li 6.5% ħadu ż-żewġ dożi.

Intant fil-Brazil, minħabba li l-każi tal-varjant Omicron sparaw ‘il fuq, tħabbar li kemm f’Rio de Janeiro kif ukoll f’Sao Paulo.. il-parati tal-karnival li huma rinomati ferm madwar id-dija kollha mistennija li jsiru lejn l-aħħar ta’ April.