Lokali

Frustrazzjoni u rabja kbira fis-settur tal-catering

“Minn kif tħabbru l-miżuri u minn kif daħlu fis-seħħ nhar it-Tnejn, kien hemm rabja kbira u frustrazzjoni mill-membri tagħna. Onestament it-telephone tagħna ma waqafx iċempel. Kien hemm decline fis-sales tremend .. Basikament il-poplu Malti huwa frustrat ħafna u anka min hu vvaċċinat.”

Hekk stqarr Matthew Pace, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering waqt li l-Ġimgħa kien intervistat fil-programm Net Live mill-ġurnalista Christine Amaira.

Matthew Pace saħaq li bil-miżuri li daħlu is-seħħ fis-17 ta’ Jannar li għadda, l-industrija tal-catering ħadet daqqa oħra… u kontinwament qed iservi bħala l-ħaruf tas-sagriffiċju. Dan għaliex minn kemm ilha li faqqet il-pandemija f’Malta, il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur m’humiex qed iħossuhom siguri bl-impjieg tagħhom, u filfatt ħafna telqu minn dan is-settur.

Fattur ieħor li qed jinkwieta lill-membri tal-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering huwa li l-operaturi f’dan is-settur m’humiex f’kundizzjoni li jagħżlu bejn min hu mlaqqam u min mhux.

Matthew Pace qal li mis-survey li għamlet l-ACE fid-dawl tal-miżuri l-ġodda abbinati mal-Covid-19, sabet illi terż tal-membri fl-industrija tal-catering għandhom wieħed jew tnejn mill-frontliners tagħhom li m’humiex imlaqqma jew ma ħadux il-booster, filwaqt li 14% tal-istabbilimenti tal-ikel f’Malta għażlu li ma jiftħux il-bibien tagħhom sakemm dawn il-miżuri jerġgħu jiġu rrilaxxati.

Matthew Pace insista wkoll li l-industrija ma taffordjax kejl li jiddistingwi b’mod diskriminatorju ċertifikat tal-vaċċin barrani minn dak maħruġ minn pajjiżna.

Matthew Pace semma kif mis-sena l-oħra ‘l hawn in-negozju ta’ Jannar naqas b’50%.

Hu appella lill-awtoritajiet sabiex iwaqqfu minnufih din il-logħba perikoluża li qed tintlagħab fuq l-industrija tal-Catering għaliex dan is-settur diġa jinsab għalkuptejh u ma jiflaħx għal daqqa oħra.