Ċifra fenominali ta’ madwar 69 biljun dollaru Amerikan – hija din is-somma li biha l-kumpanija Microsoft se tkun qed tixtri lill-pubblikaturi tal-video games ‘Activision Blizzard’; dak li se jkun l-akbar ftehim li qatt sar fl-industrija tat-teknoloġija relatata mal-loghob fuq l-internet u ‘console games’.
Kienu ħafna l-affaxinati tat-teknoloġija u l-gaming li staqsew għaliex Microsoft trid tixtri lill-Activision, bil-kumpanija tisħaq fuq il-viżjoni tagħha ta’ kif qed tara l-futur tad-dinja bit-teknoloġija.
Il-Kap Eżekuttiv tas-sezzjoni tal-logħob fi ħdan Microsoft, Phil Spencer, qal li l-għan tal-kumpanija kien li tgħin biex il-kreazzjonijiet il-ġodda ta’ Activision “jilħqu kemm jista’ jkun persuni.”
Il-ftehim ta’ $68.7 biljun tal-Microsoft biex tixtri l-Activision Blizzard se jittrasforma l-preżent u l-futur ta’ dan il-ġgant tat-teknoloġija. Jekk ikun suċċess, dan se jkun l-akbar ftehim li qatt sar minn Microsoft u l-akbar trasferiment ta’ flus kontanti fl-istorja. Dan filwaqt li esperti fis-settur qed jgħidu li għal ftehim daqshekk kbir, kollox qed iseħħ b’ħeffa akbar milli wieħed qatt seta’ jimmaġina.
Dan il-fethim se jagħmel lil Microsoft, f’termini ta’ dħul, it-tielet l-akbar kumpanija tal-logħob tal-kompjuter u se jibqgħu isegwu fost l-oħrajn lil kumpanija rinomata għall-‘PlayStation’ … is-Sony.
Il-ftehim storiku bejn Mirosoft u Activision mistenni jingħalaq matul is-sena fiskali 2023 ta’ Microsoft, li tintemm f’Ġunju tas-sena d-dieħla. F’termini sempliċi, dan ifisser li dan id-deal jista’ jitlesta u jidħol fis-seħħ fit-18-xahar li ġejjin.
//= $special ?>