Internazzjonali

F’Yemen attakk mill-arju joqtol madwar 60 persuna

In-Nazzjonijiet Uniti kkundannat attakk mill-ajru li seħħ fuq ċentru ta’ detenzjoni f’Yemen fejn inqatlu madwar 60 persuna.

Dan l-attakk qed jimmarka ġurnata oħra fatali fil-gwerra bejn il-forzi tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u r-ribelli ta’ Houthi li ilha għaddejja sa mill-2015.

Kelliem għal Antonio Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, qal li ġew irrapportati diversi attakki oħra li kienu fatali f’Yemen … fejn fost l-oħrajn f’attakk minnhom instabu tlett itfal fost dawk li allegatament inqatlu fil-belt tal-punent ta’ Hodeidah.

Attakk ieħor li seħħ fuq il-faċilitajiet tat-telekomunikazzjoni f’Hodeidah ħarbat ukoll b’mod sinifikanti s-servizzi tal-internet.

Intant .. is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti qed jappella għal investigazzjonijiet fil-pront, effettivi u trasparenti dwar dawn l-inċidenti.