Futbol Sport

Gowl fl-aħħar nifs ta’ Rashford jagħti tliet punti importanti lil Man Utd

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Ingliż ta’ Manchester United, Marcus Rashford, skorja l-gowl deċiżiv f’rebħa mill-aktar diffiċli fuq West Ham United f’Old Trafford. B’hekk, ir-Red Devils, issa, telgħu r-raba’ fil-Premier Ingliż fejn ħadu post l-istess Hammers fit-Top Four. Il-gowl ta’ Rashford – li daħal jilgħab bħala sostitut minflok Anthony Elanga – ma setax ikun aktar drammatiku peress li wasal fid-93 minuta; eżattament mal-aħħar azzjoni tal-logħba. Il-logħba dak il-ħin kienet waħda frustranti għar-Red Devils li sabu quddiemhom avversarji dixxiplinati u organizzati ferm fid-diviża – bit-tim ta’ David Moyes anki jirnexxilu jtella numru ta’ kontra-attakki perikolużi. Minkejja li ma waqfux it-tentattivi fuq iż-żewġ lasti, il-logħba kienet pjuttost nieqsa miċ-ċansijiet ċari – sakemm, sekondi mit-tmiem, United tellgħu l-aħħar kontra-attakk li kien jinvolvi lit-tliet sostituti li kienu daħlu jilgħabu kollha fit-tieni taqsima. Intant – bid-difiża ta’ West Ham tinqabad fuq sieq waħda — Edinson Cavani ġera għall-pass meqjus ta’ Anthony Martial biex għadda ballun baxx fil-kaxxa fejn daħal bħal sajjetta RASHFORD li ma żbaljax kważi minn fuq il-linja. Din hi l-ewwel darba li United kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat mindu Ralf Rangnick ħa post Ole Gunnaar Solskjaer fit-tmun tat-tim – u bil-Hammers issa jinżlu fil-ħames post tal-klassifika wara sensiela ta’ riżultati deludenti

Il-kriżi ta’ Everton kompliet, bit-Toffees jitilfu logħba oħra – din id-darba f’Goodison Park – ma’ Aston Villa; b’Emiliano BUENDIA jiskorja l-uniku gowl tal-logħba sekondi qabel il-mistrieħ. Everton niżlu għal din il-logħba taħt il-gwida ta’ Duncan Ferguson li qed jokkupa temporanjament il-kariga ta’ manager wara t-tkeċċija, jiem ilu, ta’ Rafa Benitez. Intant, Everton – li kisbu rebħa waħda biss f’14-il logħba – bilkemm tellgħu ballun fl-ewwel taqsima u anki sabu ruħhom minn taħt meta, fuq il-korner ta’ Lucas Digne ( eks-Everton) Buendia sab ir-rokna tax-xibka b’header stupend u minkejja li kellu dahru lejn il-lasta. Fit-tieni taqsima t-Toffees kellhom xi azzjonijiet perikolużi u tilfu ċans kbir ta’ parità minn Dominic Calvert-Lewin — b’Ben Godfrey jara d-daqqa ta’ ras tiegħu maqlugħa minn fuq il-linja minn Tyrone Mings. Madankollu l-iskor ma nbidilx u Everton issa spiċċaw fl-inkwiet serju meta jinsabu erba’ punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Fl-istess ħin, hu minnu wkoll li t-Toffees lagħbu anqas logħob minn Norwich City u Newcastle Utd, rispettivament.

Wolves għelbu lil Brentford 2-1 barra minn darhom, bil-gowl deċiżiv jasal minn Ruben NEVES, 12-il minuta mit-tmiem. Din il-logħba, fl-ewwel taqsima, kellha tieqaf għal aktar minn 25 minuta wara li l-plejers ta’ Brentford Jensen u Henry ħabtu ma’ xulxin u kellhom jingħataw it-trattament fit-tul. Minuti wara l-inċident, ir-referi Peter Bankes ordna liż-żewġ tims biex iħallu l-grawnd meta ntlemaħ drone qed itir minn fuq il-Brentford Community Stadium. It-tieni taqsima rat lil Wolves imorru fil-vantaġġ minn Joao MOUTINHO (48) b’Ivan TONEY (71) jikseb id-dro kontra x-xejra tal-logħob u b’Neves ikollu l-aħħar kelma, seba’ minuti wara, b’xutta qawwi lejn ir-rokna tax-xibka.

Newcastle United kisbu rebħa kruċjali f’Elland Road għall-ispejjeż ta’ Leeds United biex b’hekk ħadu nifs ġdid fil-ġlieda biex jevitaw l-aħħar tliet postijiet fil-klassifika. Qabel din il-logħba, il-Geordies kienu rebħu darba biss fil-kampjonat u ħarġu jfittxu gowl kmieni – bil-gowlkiper ta’ Leeds, Meslier, isalva tajjeb fuq il-volley ta’ Jonjo Shelvey. Iżda waqt li Leeds bdew jiġu f’tagħhom, kienu Newcastle li skurjaw l-uniku gowl tal-logħba fil-75 minuta meta Manquillo twaqqa f’tarf il-kaxxa u SHELVEY ikkonkluda l-freekick bl-aħjar mod, b’Meslier megħlub għal kollox.

Fil-logħba li ntlagħbet tard, iċ-Champions Ingliżi Manchester City spiċċaw miżmuma, 1-1, minn Southampton f’St Mary’s Stadium. Is-Saints dehru resqin lejn rebħa sorpriża meta Kyle WALKER-PETERS poġġihom fil-vantaġġ wara biss seba’ minuti u wara li dan il-plejer kien ħadem one-two brillanti ma’ Nathan Redmond. Fit-tieni taqsima, City wieġbu permezz ta’ Kevin de Bruyne li, minn freekick, sab lil Aymeric LAPORTE (65) żmarkat u bid-difensur jegħleb bir-ras lil Fraser Forster għall-1-1 – bl-iskor ma jinbidilx. Ir-riżultat waqqaf is-sensiela ta’ 12-il rebħa konsekuttiva għas-Citizens fil-Premier League, bit-tim ta’ Pep Guardiola, issa, qed igawdi vantaġġ ta’ 12-il punt fuq Liverpool u meta City, issa, lagħbu żewġ logħbiet aktar mir-Reds.