Ħaddiema tal-PBS kif ukoll viżitaturi li m’għandhomx ċertifikat li ħadu l-booster mhux qed jitħallew jidħlu fil-bini tal-istazzjon nazzjonali sakemm mhux lesti li jagħmlu PCR test minn buthom kull ġimgħa.
Dan sar permezz ta’ ‘policy’ ġdida li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar, li fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers hi “illegali” għax tmur lil hinn minn dak li tgħid il-liġi li tirregola restrizzjonijiet bħal dawn. Madankollu, ix-xandir tal-Istat qed jinsisti li għandu kull dritt li jimponi tali restrizzjoni minħabba n-natura tal-operazzjonijiet tiegħu u biex “joffri ambjent tax-xogħol bla periklu”.
Sorsi li tkellmu ma’ Voice of the Workers Weekly u li xtaqu jibqgħu anonimi wissew li miżura bħal din tmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Avviż Legali 8 tal-2022 li jelenka dawk il-postijiet fejn l-aċċess jista’ jingħata biss fuq preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin.
“Bil-liġi, min iħaddem f’dan il-post tax-xogħol partikolari, li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-gvern, ma jistax jimponi tali restrizzjoni għas-sempliċi raġuni li l-istudios tal-PBS ma jaqgħu f’ebda waħda mill-kategoriji mniżżla f’dan l-avviż legali,” qalu s-sorsi.
“Barra minn hekk, il-fatt li tali policy ġiet imposta mill-gvern f’entità Statali iqajjem tħassib li l-miżura tista’ tiġi estiża għal entitajiet pubbliċi oħra u privati,” is-sorsi żiedu.
Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella ukoll esprima t-tħassib tiegħu.
“Din il-policy bl-ebda mod ma tirrifletti it-tweġibiet li ngħatajna il-ġimgħa li għaddiet fl-Employment Relations Board li fih il-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem staqsew lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, lill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol u l-Kummissjoni tal-Protezzjoni tad-Data kif se titħaddem il-liġi. F’din il-laqgħa intqal bl-aktar mod ċar li dawk il-postijiet li huma msemmija fl-avviż legali biss se jkunu qed jimponu restrizzjoni bħal din. X’inhu l-punt li nagħmlu diskussjonijiet bħal dawn biex imbagħad, xi wħud mill-employers jagħmlu kif jidhrilhom huma? Apparti milli toħloq konfużjoni, il-policy tal-PBS tmur lil hinn mill-avviż legali u tikser id-drittijiet tal-ħaddiema,” Vella kompla.
Il-policy l-ġdida li ġiet ikkomunikata lill-ħaddiema tal-PBS il-ġimgħa li għaddiet mid-dipartiment tar-riżorsi umani tgħid bla tlaqliq li “kull min jidħol fil-bini tal-PBS (impjegati, freelancers, produtturi u mistednin) għandu jipprovdi ċertifikat validu tal-vaċċin. Inkella “individwi li jfittxu eżenzjoni minn dan ir-rekwiżit għal raġunijiet ġustifikati, għandhom jipprovdu PCR test negattiv kull ġimgħa lid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni”. Biss, l-ispejjeż ta’ test bħal dan li jibdew minn €35 għal rapid test, irid iġorrhom il-ħaddiem.
Fil-prattika dan ifisser li kull min ma jkunx ħa l-booster, huwa pprojbit li jidħol il-PBS sakemm ma jkunx lest li jagħmel swab test kull ġimgħa. Miżura bħal din qed tiġi ġġustifikata fuq il-bażi li jinżamm “post tax-xogħol li jkun ħieles minn perikli magħrufa” biex “biex titħares is-saħħa tal-impjegati tagħna, il-familji tagħhom u l-viżitaturi, minn mard infettiv li jista’ jitnaqqas bit-tilqim”. Madankollu, ma ssemmiet l-ebda konsegwenza għal impjegati li jirrifjutaw li jieħdu l-booster.
Il-UĦM talbet spjegazzjoni mingħand il-PBS dwar il-bażi legali li fuqhom tistrieħ din il-policy u l-parir, jekk hemm, mogħti mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.
Fit-tweġiba tiegħu, ix-xandir tal-Istat evita kwistjonijiet relatati mal-legalità tal-policy u illimita ruħu biex jgħid li d-deċiżjoni ttieħdet bis-saħħa ta’ “sejbiet preliminari ta’ valutazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol relatati mal-pandemija tal-covid fil-bini f’dan l-istadju partikulari”.
Skont il-PBS huwa “għandu kull dritt li jipproteġi lill-impjegati kollha tiegħu u li joffri ambjent tax-xogħol sigur”. Madankollu, m’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-liġi li tagħti lil min iħaddem, f’dan il-każ il-PBS l-awtorità li jimponi tali restrizzjoni. L-uniċi postijiet fejn dan irid isir huma bars, clubs jew każini, ristoranti, snack bars, swali taċ-ċinema, teatri, casinos, swali tat-tombla jew tal-logħob, avvenimenti sportivi, gyms jew fitness centres, pixxini pubbliċi, spas jew saunas, avvenimenti tal-massa u wirjiet.
Madankollu, il-PBS qed jiġġustifika l-policy tiegħu għax qed jgħid li b’hekk ikun evitat li jkun hemm xi tfixkil fit-trażmissjoni biex ikun evitat li jkun hemm numru kbir ta’ impjegati li ma jkunux jistgħu jirrappurtaw għax-xogħol wara li jkunu ħadu l-virus. Argument bħal dan, madanakollu jistona, għax ħaddiema f’oqsma essenzjali li jaqgħu taħt il-gvern stess bħal tobba, infermiera, ħaddiem fil-power station, uffiċjali tal-pulizija, ħaddiema tal-port u għalliema mhux qed ikunu obbligati jieħdu l-booster.
//= $special ?>