Lokali

“Il-qtil ta’ Paulina Dembska għandu jitqies bħala ‘femiċidju’ u dan it-terminu għandu jsib postu fil-liġi Maltija” – emPOWer

“Wara li għaddew diversi ġranet mill-qtil brutali ta’ Paulina Dembska, iż-żgħażugħa li sfat stuprata u fgata fis-sigħat bikrin tal-Ħadd 2 ta’ Jannar.. kellna nsegwu konferenza tal-aħbarijiet mill-Pulizija ta’ Malta, fejn infurmawna li dan ma kienx femiċidju, iżda omoċidju. U r-raġunament wara dan kien li l-allegat akkużat ipprova jattakka żewġt irġiel oħra qabel ma attakka lil Paulina. Jibqa’ l-fatt li ż-żewġt irġiel l-oħra għadhom ħajjin u rnexxielhom jaħarbu mill-aggressur, filwaqt li Paulina – għax kienet mara – ma setgħetx taħrab lill-attakkant.”

Dan qalitu l-organizzazzjoni emPOWer fi stqarrija maħruġa s-Sibt filgħodu, fejn saħqet li bħala federazzjoni ta’ numru ta’ għaqdiet non-governattivi tan-nisa, taqbel ma’ organizzazzjonijiet oħrajn li l-qtil ta’ Paulina Dembska għandu jkun deskritt bħala femiċidju. Empower iżżid ukoll li dan it-terminu għandu jkun kodifikat fil-liġi Maltija.

EmPOWer enfasizzat li r-raġunament tal-Pulizija li l-każ għandu jitqies bħala omiċidju u mhux femiċidju minħabba li l-akkużat prova jattakka żewġ irġiel qabel ma attakka lil Paulina Dembska mhux ġust għax iż-żewġ irġiel għadhom ħajjin. “Kienet hi li ġiet stuprata b’mod orribbli u brutali. Kienet hi li ġiet imsawwta, u kienet hi li nqatlet.”

Empower qalet li filwaqt li r-riċerka globali turi li hemm diversi rġiel li jitqiesu bħala vittmi tal-vjolenza domestika, il-maġġoranza assoluta huma nisa.

“Għala mhux sikur għal xi nisa li jkollhom opinjoni differenti minn ta’ raġel? Għaliex mhux sikur jekk mara trid tmur jogging jew mixja kmieni filgħodu jew tard bil-lejl? Għaliex in-nisa jħossu li m’għadhomx protetti mil-liġi, meta jirrappurtaw każijiet ta’ vjolenza domestika?”

Fl-aħħar nett, il-federazzjoni fakkret li Paulina Dembska qatt mhu se tkun minsija.