“Eddie Fenech Adami kien saħaq li, “is-sewwa jirbaħ żgur” u l-elezzjoni storika ta’ Roberta Metsola bħala l-President tal-Parlament Ewropew hija prova favur dak li kien qal l-eks President u eks Prim Ministru ta’ Malta.” – Hekk saħaq l-editur tat-Times fl-editorjal tas-Sibt.
L-editorjal jgħid li b’mod partikolari wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-MEP tal-PN kienet minn ta’ quddiem nett biex tissielet għal aktar miżuri kontra l-korruzzjoni fejn saħansittra kienet inħatret biex tmexxi korp ġdid tal-Parlament Ewropew biex jippromwovi l-governanza tajba. Roberta Metsola kienet sejħet għal aktar azzjoni mill-Unjoni Ewropea biex tipproteġi n-nies mill-korruzzjoni u l-kriminalità.
Dan kollu ma kienx faċli għal Roberta Metsola, jgħid l-editur tat-Times, fejn fakkar kif kien jiddeskrivi lil Metsola l-Partit Laburista, pożizzjonijiet li anke ħolqu mibgħeda fil-konfront tagħha minn xi esponenti u partitarji tal-Labour. Bit-Times tgħid li l-elezzjoni tagħha biex tippresjedi waħda mill-istituzzjonijiet l-aktar importanti tal-UE hija xhieda fuq skala Ewropea tal-isforzi tagħha biex tiddefendi l-valuri l-aktar importanti. Filfatt Roberta Metsola tkellmet u spjegat dawn il-valuri Ewropej fl-ewwel diskors tagħha tagħha lill-parlament bħala l-president tiegħu: “…demokrazija, dinjità, ġustizzja, solidarjetà, ugwaljanza, saltna tad-dritt u drittijiet fundamentali”.
Bl-editorjal tat-Times jgħid li fuq livell personali, l-elezzjoni tagħha hija rikonoxximent ovvju tal-kapaċitajiet u l-kredenzjali Roberta Metsola. Hija għandha rekord eċċellenti bħala MPE u taħdem għall-ġid komuni. Dan filwaqt li fuq livell nazzjonali, l-elezzjoni tagħha bħala l-ewwel Maltija li tmexxi istituzzjoni tal-UE tfisser aħbar pożittiva fost l-ħafna aħbarijiet negattivi dwar is-saltna tad-dritt. Bl-editur jgħid li din hija wkoll rebħa għan-nisa b’mod ġenerali, u tagħti tama lill-ħafna li jkomplu jissieltu.
It-Times of Malta tas-Sibt tkompli tispjega li fuq livell Ewropew Roberta Metsola wriet li għandha l-prijoritajiet it-tajba hekk kif qed tħares ‘il quddiem lejn temi importanti bħat-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tas-sigurtà kollettiva tal-UE, is-saltna tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali. Metsola filfatt saħqet fuq l-importanza li l-UE tibqa’ magħquda u bi prinċipju, u l-messaġġ qawwi tagħha kontra d-dittaturi li huma mħabbta li jeqirdu l-unjoni għandu jiġi imfaħħar, tgħid it-Times.
Ġie spjegat ukoll kif fost l-iktar affarijiet kruċjali li għandha quddiema il-President il-ġdid, hemm il-ħidma mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-istati membri biex tintemm il-pandemija, kif ukoll biex tinsab soluzzjoni għall-kriżi serja fl-Ukrajna filwaqt li anke tgħolli l-profil tal-PE billi tagħmilu aktar rilevanti għall-ħajja tan-nies. Filfatt, fid-diskors tagħha, l-MEP tal-PN tkellmet kif hi se tara li l-Parlament li qed tmexxi jaħdem favur diversi persuni fi strati diferenti tas-soċjetà fosthom in-nisa, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, il-komunitajiet LGBTIQ, il-bdiewa, dawk iddiskriminati b’mod razzjali u dawk vulnerabbli, u ħafna oħrajn li għalihom il-PArlament Ewropew taħt it-tmexxija tal-Maltija jista’ jagħmel differenza.
L-editorjal tat-Times saħaq li Metsola ilha fil-politika biżżejjed biex ma tkun taħt l-ebda illużjoni iżda jisħaq li l-kwalitajiet li wasluha s’hawn se jgħinuha fil-ħidma tagħha bħala l-President tal-Parlament Ewropew. “Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rebħa ta’ Metsola tagħti tama lil dawk li jippersistu fil-ġlieda tagħhom għall-verità, minkejja li jiġu mżebillħa u insultati.
//= $special ?>