Sport Waterpolo

Konfermati uffiċjalment l-erba’ semifinalisti tal-Enemed Cup

Mark Castillo ta' Neptunes jegħleb lil ħuh Matthew Castillo

Rapport: Stewart Said

L-erba’ timijiet li se jilagħbu s-semifinali tal-play-offs, ġew ikkonfermati uffiċjalment illum. San Ġiljan Mercury Towers żammew mal-aspettattiva u permezz tar-rebħa li kisbu, spiċċaw l-ewwel fażi punti ndaqs ma’ Sliema. Iżda huma spiċċaw fl-ewwel post minħabba riżultat aħjar minn ta’ Sliema kontra Neptunes li spiċċaw fit-tielet post. Neptunes li huma r-rebbieħa tas-sena l-oħra, kienu diġà jafu li se jtemmu fit-tielet post segwiti minn Exiles, li bid-draw bejn Marsaskala Fish and Fish u Birżebbuġa Freeport kienu diġà assigurati minn post mal-ewwel erbgħa.

SIRENS MECCA MARIN……………….. 12

SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS….. 15

(1-2), (1-5), (3-4), (7-4)

San Ġiljan Mercury Towers għamlu dak li kien mistenni minnhom. Kisbu r-rebħa li biha aċċertaw mill-ewwel post fi tmiem din il-fażi. B’hekk huma se jaffrontaw lil Exiles minflok Neptunes. Għalkemm id-distakk finali jindika li d-distakk bejn it-tnejn kien ftit, San Ġiljan kienu superjuri tal-logħba. Madankollu wieħed ma jridx ma jfaħħarx l-ispirtu li Sirens urew fl-aħħar sessjoni u nofs.

Il-vantaġġ ta’ San Ġiljan immatura fit-tieni sessjoni b’erba’ gowls konsekuttivi minn doppjetta ta’ Ben Plumpton, Daniel Tully u Andreas Galea għal vantaġġ ta’ 6-1 u 7-2 rispettivament. Matthew Zammit u doppjetta ta’ Ben Plumpton kabbru l-vantaġġ għal 10-3 u deher li San Ġiljan kienu se jiksbu rebħa komda. Il-vantaġġ tnaqqar għal 11-5 sa tmiem it-tielet sessjoni iżda l-istorja fl-aħħar sessjoni kienet ftit differenti.

Wara li Andreas Galea wieġeb lil Matthew Sciberras, Sirens skorjaw erbgħa mingħajr risposta fi ftit aktar minn żewġ minuti. Dan wassal biex il-vantaġġ niżel għal 12-10 b’nofs sessjoni għal tmiem il-logħba. San Ġiljan ħassew ftit pressjoni, anki bi protesti kontra deċiżjonijiet arbitrali, iżda reġgħu ħadu l-kmand bi tliet gowls konsekuttivi li għalqu l-logħba. Madankollu Sirens baqgħu determinati li jiskbu tal-anqas skor rispettabbli u naqqsu d-distakk għal tliet gowls sat-tmiem.

Sirens: T. Micallef, M. Chircop, K. Erdogan (2), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (5), M. Bonnici, I. Riolo (1), J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (3), M. Azzopardi, O. Gauci

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea (4), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (3), M. Ortoleva (1), D. Tully (1), B. Plumpton (4), N. Zammit (2), Da. Zammit, N. Schiavone, G. Vassallo

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri

MARSASKALA FISH AND FISH……… 6

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……………… 6

(1-1), (3-1), (2-1), (0-3)

Għalkemm meqjusa bħala l-anqas żewġ timijiet fil-kompetizzjoni, Marsaskala Fish and Fish u Birżebbuġa Freeport offrew konfront missielet, bit-tim ta’ Birżebbuġa forsi jħoss li seta’ kiseb xi ħaġa aħjar bil-mod kif spiċċa l-logħba.

Marsaskala kellhom vantaġġ ta’ 4-2 sa nofs it-tieni sessjoni, riżultat li sa dak il-ħin kien meritat. Għal ħafna mumenti mit-tielet sessjoni, il-vantaġġ tal-Iskalin kompla jikber u sa anqas minn tliet minuti għal tmiem is-sessjoni, Marsaskala kellhom vantaġġ ta’ 6-2. Il-gowl minn man-up ta’ Marco Mannino ta fiduċja ġdida lil Birżebbuġa qabel l-aħħar sessjoni. Marsaskala deher li bdew jgħajjew ukoll hekk kif l-attakki tagħhom ma kinux qed ikunu kordinati.

Birżebbuġa bdew ġejjin u l-gowl fil-bidu tal-aħħar sessjoni ta’ Keith Tanti, daħħalhom fil-logħba. Mannino rnexxielu jaqta’ d-distakk b’doppjetta u nofs sessjoni li kien għad fadal x’tintlagħab. Madankollu l-isforzi ta’ Birżebbuġa li jiksbu r-rebħa ma ġewx premjati, bit-tim ta’ Pierre Borg saħansitra jfalli penalty.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, R. Greco, G. Galea, K. Navarro, M. Manara, D. Pace Lupi, G. Sammut (1), J. Ciantar (3), M. Carani (1), A. Muscat

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia, N. Cassar, B. Grech, R. Mock, G. Mannino (4), D. Cutajar (1), S.D. Borg, K. Tanti (1), R. Spiteri, M. Curmi, F. Buhagiar, D. Incorvaja, G. Sammut

Referees: Neville Mercieca, Ronnie Spiteri

Max Aquilina b’tentattiv lejn il-lasta ta’ Neptunes

NEPTUNES………………………. 12

EXILES……………………………… 12

(2-2), (6-5), (3-3), (1-2)

Kellu jkun Max Aquilina li b’doppjetta lejn it-tmiem għen lil Exiles isalvaw punt kontra Neptunes. Konfront vivaċi li sar eċċitanti aktar ma għadda l-ħin, bil-logħba saħansitra setgħet tintrebaħ fl-aħħar azzjoni taż-żewġ timijiet. Dan il-punt jista’ jitqies aktar prezzjuż għal Neptunes hekk kif kienu biss Alan Borg Cole, Gabriel Pace u Jordan Camilleri l-plejers stabbiliti fit-tim, b’tal-aħħar spiċċa mkeċċi f’nofs il-logħba.

Fl-ewwel sessjoni, Exiles kellhom jirrispondu darbtejn għall-gowls ta’ Mark Castillo. It-tim ta’ Aurelien Cousin ħa l-vantaġġ fit-tieni sessjoni permezz ta’ Timmy Sullivan li għamilhom 4-3. F’mument fejn l-iskor kien 6-6, iż-żewġ timijiet tilfu l-aktar żewġ plejers ta’ esperjenza li għandhom jiġifieri Jordan Camilleri għal Neptunes u Timmy Sullivan, deċiżjoni li ġabet protesti speċjalment fuq in-naħa ta’ Neptunes.

Neptunes irnexxielhom jieħdu vantaġġ doppju fi ftit sekondi, b’Philip Paris inaqqas id-distakk ftit qabel tmiem it-tieni sessjoni. Għal tliet okkażjonijiet fit-tielet sessjoni, Neptunes pruvaw jerġgħu jiftħu vantaġġ doppju iżda Exiles wieġbu kull darba. Dan wassal biex meta Castillo għamilhom 12-10 fl-aħħar sessjoni, ħalla lil Exiles jittamaw. Kien proprju Max Aquilina li skorja darbtejn fl-aħħar minuta u nofs. Exiles saħansitra setgħu ħarġu bit-tliet punti iżda laqtu l-lasta fl-aħħar xutt tal-logħba.

Neptunes: A. Borg Cole, M. Zammit, M. Farrugia, G. Pace (4), C. Cutajar, E. Mallia, M. Castillo (5), J. Camilleri, R. Galea (2), L. Mallia (1), D. Bugeja, B. Zammit, S. Mifsud, D. Cordina, J. Pawley,

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris (2), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti (1), N. Paris, J. Bajada, M. Aquilina (6), D. Fenech (1), G. Borg, L. Gialanze, M. Martellacci

Referees: Peter Balzan, Alex de Raffaele

Logħob li jmiss

Semifinali

L-Erbgħa

San Ġiljan v Exiles         6.30pm

Sliema v Neptunes        7.35pm