Is-segretarju permanenti li kien tilef il-fiduċja tal-ministru tiegħu stess, Joseph Caruana li kien ukoll investigat mill-pulizija fuq allegat każ ta’ korruzzjoni, inħatar Kummissarju tat-Taxxi. Din il-ħatra li għamel il-Prim Ministru Robert Abela diġà qajmet tħassib serju fis-servizz pubbliku u fost il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-taxxi minħabba l-implikazzjonijiet li l-ħatra ta’ Caruana jista’ jkollha fuq il-greylisting ta’ pajjiżna.
Din l-għażla ta’ Caruana tasal ftit jiem biss wara li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana żvela kif il-gvern għad fadallu jiġbor €5 biljun f’taxxi mhux miġbura. Sorsi tal-Gvern li tkellmu ma’ ‘The Shift News’ qalu li għalkemm Joseph Caruana qatt ma kien uffiċjalment akkużat b’xi ħaġa, il-ħatra tiegħu għal rwol tant importanti qed tibgħat messaġġ ħażin, kemm lokalment kif ukoll madwar id-dinja.
Joseph Caruana bħalissa qed jaħdem fil-Ministeru tat-Trasport, wara li kien nħatar segretarju permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2013, ftit xhur wara li ġie elett il-Partit Laburista. Caruana ilu għal żmien twil jimmilita fil-Partit Laburista u filfatt bejn l-1996 u l-1998 – Joseph Caruana, flimkien maż-żewġ ħutu, kienu jiffurmaw parti mis-segretarjat privat ta’ Evarist Bartolo.
Matul iż-żmien tiegħu fil-kariga fl-uffiċċju ta’ Bartolo, ħu l-Kummissarju l-ġdid, Edward Caruana allegatament kien qed jixxaħħam mingħand kuntratturi li jaħdmu fuq sejħiet għall-offerti tal-gvern, u kien saħansitra qassam madwar €8 miljun f’pagamenti lill-kuntratturi, f’isem il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS).
F’artiklu fis-sit ‘The Shift’ jingħad li f’waħda mill-e-mails ippreżentati bħala evidenza, is-Segretarju Permanenti Joseph Caruana informa lil ħuh Edward b’direzzjoni li kien ta fuq ħlas ta’ €400,000 relatat ma’ kuntratt pendenti fl-iskola tal-gvern f’Ħal Qormi. L-e-mail intbagħtet minn wara dahar il-Ministru Bartolo. Caruana qatt ma spjega għaliex ħass il-bżonn li jibgħat din l-e-mail lil ħuh, li suppost ma kellux x’jaqsam mal-ħlasijiet. Barra minn hekk, bħala segretarju permanenti, Caruana kien qed jiffirma direct orders imqassma mill-FTS lil diversi kuntratturi ‘ħbieb’ ta’ ħuh.
Eventwalment kien ħareġ li matul dan iż-żmien Edward Caruana kien irnexxielu jibni blokk kbir ta’ appartamenti fir-Rabat, stmat li sewa madwar €500,000 biex jinbena. Dan għamlu mingħajr il-bżonn li jirrikorri għal self bankarju. Wara xhur li fihom il-Ministru Evarist Bartolo ma ħa l-ebda azzjoni fuq dawn l-allegazzjonijiet serji, il-persuna li kien qed jikxef lil Caruana rriżenja u ppreżenta l-provi kollha lill-pulizija.
Fl-2017, wara dawn l-iskandli u allegazzjonijiet kollha, il-Ministru Bartolo kien neħħa lil Caruana mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u f’Diċembru 2017, Edward Caruana kien mixli b’atti ta’ korruzzjoni u frodi b’rabta mal-FTS. Dan il-każ għadu għaddej sal-lum iżda fil-Qorti qatt ma tressqet akkuża kontra Joseph Caruana li mistenni jinħataw Kummissarju tat-Taxxi.
Ftit ġimgħat ilu, ‘The Shift’ irrapportat żvilupp sorprendenti fil-każ ta’ ħu l-Kummissarju l-ġdid, meta l-Maġistrat annulat l-ordni tal-ifriżar tal-assi ta’ Caruana, fejn qalet li l-prosekuzzjoni ma rnexxielha tipprova l-ebda rabta diretta bejn ir-reati li allegatament wettaq u l-assi tiegħu.
//= $special ?>