Futbol Sport

Antonio Conte jsofri l-ewwel telfa fil-kampjonat kontra l-eks tim tiegħu

(Ritratt: EPA)

Chelsea kisbu rebħa konvinċenti fuq Tottenham Hotspur fid-derby ta’ Londra li ntlagħbet fi Stamford Bridge – bir-riżultat, 2-0, ifisser anki l-ewwel telfa għal Spurs fil-kampjonat mindu Antonio Conte, l-eks-manager tal-Blues, ħa t-tmexxija tat-tim wara t-tkeċċija tal-eks-manager Portugiż Nuno Espirito Santo. Din kienet anki t-tielet rebħa konsekuttiva għal Chelsea fuq Tottenham ( f’kompetizzjonijiet differenti) fi tliet ġimgħat. L-ewwel taqsima ma kenitx nieqsa mill-azzjonijiet iżda ż-żewġ tims daħlu jistrieħu mingħajr gowls, u wara li l-Blues kienu diġà bdew jieħdu kontroll tal-logħba. Fil-fatt, it-tieni taqsima ma setgħetx kellha bidu aħjar għal Chelsea meta Hakim ZIYECH (47) dawwar ġmiel ta’ xutt fl-angolu tax-xibka, bil-gowlkiper Lloris iħares.

Tmien minuti wara, il-Blues għamluhom tnejn meta d-difensur veteran Thiago SILVA reġa’ sab ix-xibka bir-ras fuq il-freekick perfett ta’ Mason Mount – bil-logħba ftit jifdlilha storja minn dak il-ħin ‘il hinn. Ir-rebħa għal Chelsea waslet wara li l-Blues kienu rebħu ż-żewġ legs tas-semi-finali tal-Carabao Cup (2-0 u 1-0) kontra l-istess Spurs biex ibbukkjaw posthom fil-finali tal-kompetizzjoni fejn iridu jilgħabu kontra Liverpool f’Wembley Stadium,

Liverpool komplew jittamaw li jagħtu sfida akbar lil Manchester City ( il-liders tal-Premier League) b’rebħa, 3-1, fuq Crystal Palace f’Selhurst Park. Kien id-difensur tar-Reds, Virgil van DIJK (8) li, bir-ras, għeleb lill-gowlkiper ta’ Palace, Guaita għall-ewwel gowl, b’Alex OXLADE-CHAMBERLAIN jirdoppja man-nofs-siegħa. Fit-tieni taqsima, Palace wettqu reazzjoni qalbiena u rnexxielhom inaqqsu d-distakk meta, fuq azzjoni ta’ Jean-Philippe Mateta u Jeffrey Schlupp, Odsonne EDOUARD seta’ jixħet il-ballun f’xibka prattikament vojta, bil-gowlkiper Alisson maqbud fuq sieq waħda.
Alisson imbagħad wettaq save kbir fuq il-lob ta’ Michael Olise iżda kien proprju waqt li Palace kienu qed iżidu sew il-pressjoni li r-Reds għalqu l-logħba grazzi għal penalty mill-aktar diskutibbli.

Dan meta, waqt kontra-attakk, Diogo Jota baqa’ dieħel fil-gowlkiper Guaita wara li kien tilef il-ballun – u bir-referi, Kevin Friend, jipponta lejn il-ħdax-il metru fuq konsultazzjoni mal-VAR u wara li kellu jibdel id-deċiżjoni inizjali. Inkariga ruħu mill-penalty FABINHO (88) li ma żbaljax għat-3-1 finali, bit-tim ta’ Jurgen Klopp jieħu nifs ġdid wara li kellu jsofri bil-kbir fit-tieni 45 minuta.

Arsenal iddiżappuntaw bis-sħiħ fi dro, 0-0, ma’ Burnley fl-Emirates Stadium. Iż-żewġ punti mitlufin mal-aħħar tim fil-klassifika tellfu lill-Gunners milli jilħqu lir-raba’ tim, Manchester United, fuq 38 punt – u b’dan id-dro itemm sekwenza negattiva ta’ tlett telfiet konsekuttivi għall-Clarets ta’ Sean Dyche. Fl-ewwel taqsima, il-gowlkiper ta’ Burnley Nick Pope ħareġ mill-kaxxa biex jiċħad lil Martin Odegaard minn gowl ċert, waqt li fit-tieni taqsima, Alexandre Lacazette ukoll mar qrib li jiżblokka r-riżultat għall-Gunners meta xeħet barra fuq l-assist ta’ Emile Smith Rowe. Imbagħad kien imiss lil Smith Rowe li jara t-tentattiv tiegħu milqugħ b’abbiltà kbira mill-gowlkiper Pope, bl-azzjonijiet jisfumaw minn dak il-punt ‘il quddiem.

Leicester City raw it-tliet punti jaħarbulhom fil-konfront ma’ Brighton and Hove Albion, wara li Danny WELBECK ċaħħadhom mir-rebħa ‘in-extremis’ fil-King Power Stadium. Welbeck, li għaddej minn forma tajba ħafna, kien fil-post eżatt (82) biex jegħleb lill-gowlkiper Kasper Schmeichel fuq il-kross preċiż ta’ Neal Maupay – u minuti wara, Dan Burn kważi ta rebħa inkredibbli lis-Seagulls meta d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet maqlugħa minn fuq il-linja minn Tielemans.
Dan meta l-logħba daret kompletament fl-aħħar ħinijiet u wara li Patson DAKA kien poġġa lill-Foxes fil-vantaġġ fis-46 minuta, fejn irnexxilu jisfrutta żball kbir tal-gowlkiper Robert Sanchez.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa Watford v Norwich 0-3 Ilbieraħ Everton v Aston Villa 0-1, Brentford v Wolves 1-2, Leeds v Newcastle 0-1, Man Utd v West Ham 1-0, Southampton v Man City 1-1 Illum Arsenal v Burnley 0-0, C’Palace v Liverpool 1-3 Leicester v Brighton 1-1, Chelsea v Tottenham 2-0