Internazzjonali

Covid-19: Ottimiżmu fl-Italja wara li l-infezzjonijiet lokalizzati bdew jistabbilizzaw…

(Ritratt: EPA)

L-awtoritajiet fl-Italja qed jesprimu ottimiżmu li l-pajjiż qed joħroġ mill-agħar tal-mewġa preżenti tal-Covid-19. Dan waqt li l-Kap tal-Ogħla Istituzzjoni tas-Saħħa fl-Italja sostna li l-kurva jew massimu tal-pandemija f’pajjiżu bdiet tistabbilizza – u fost tamiet li l-infezzjonijiet se jibdew jonqsu min ġimgħa għall-oħra.

Silvio Brusaferro qal li fil-pajjiż qed tonqos l-indiċi tat-trassmissjoni (Rt) tal-virus b’rispett għall-ġimgħat preċedenti. Dan waqt li l-espert ippreżenta l-aħħar rapport aġġornat dwar is-sitwazzjoni fl-Italja u fejn hu tenna li ‘il-kurva qed turi tnaqqis fil-firxa tal-pandemija’.

Ir-rapport qed juri li t-trasmissjoni bil-Covid naqset bħala numru, bl-inċidenza tal-każi ma tidhirx li qed togħla. Madankollu hu minnu wkoll li numru ta’ reġjuni fl-Italja setgħu bagħtu l-istatistika tagħhom tard u li setgħet ma daħlitx sa dan il-ħin.

Numru tal-rt – jew rata tat-trasmissjoni – ikun qed jindika li l-pandemija qed tinfirex f’pajjiż jekk kemm-il darba dan ikun ogħla minn wieħed.

Jidher, issa, l-inċidenza tal-każi tal-Covid fl-Italja hi madwar l-2,011 għal kull 100,000 abitant. L-okkupanza tas-sodod fit-taqsimiet tal-isptarijiet għall-kura intensiva qed tidher stabbli fuq 17.3 fil-mija – li hi anqas miċ-ċifra speċifika rreġistrata fl-Italja fil-15 ta’ Jannar.

S’issa, ir-reġjun ta’ Valle d’Aosta għandu l-akbar ammont ta’ pazjenti bil-Covid fis-swali komuni tal-isptarijiet mir-reġjuni kolla tal-Italja . Warajh, intant, hemm ir-reġjuni ta’ Kalabrija u Liguria – waqt li r-reġjuni ta’ Marche u Friuli Venezia Giulia huma l-aktar reġjuni Taljani fejn hemm rappurtati pazjenti bil-Covid fil-ħtieġa ta’ kura intensiva.