Lokali

“Determinati li naħdmu fl-interess tiegħek” – Bernard Grech

“Determinati li naħdmu fl-interess tiegħek, kull Malti li jrid bidla għal pajjiżna għandu jħares lejn il-PN li b’umiltà jrid li flimkien nimxu ‘l quddiem” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politka fil-Każin tal-PN f’Santa Lucija.

Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech tkellem dwar il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, ġimgħa li fiha erġajna rajna kuntrast bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Hawnhekk semma’ l-unur li Roberta Metsola għamlet lil pajjiżna bl-elezzjoni tagħha bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew u fuq in-naħa l-oħra, il-kriżi li reġgħet ħakmet lill-Partit Laburista wara l-istejjer li smajna fuq Joseph Muscat u d-dikjarazzjonijiet li għamel Robert Abela.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-abbozz ta’ liġi li preżenta l-PN fil-Parlament fejn ikkonferma li din il-ġimgħa dan se jkun diskuss fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna grazzi għall-insistenza tal-PN li għandu f’qalbu l-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Wara l-pressjoni li għamel il-PN din il-ġimgħa, il-Prim Ministru ma baqalux triq oħraħlief li jiddiskuti dan l-abbozz ta’ liġi li jindirizza l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bernard Grech ikkonferma li nhar il-Ħamis fil-Parlament, fil-ġurnata riservata għall-Oppożizzjoni, dan l-abbozz se jkun diskuss fi stadju tat-tieni qari.

“Huwa biss grazzi u mertu għall-insistenza, persistenza u konsistenza tal-Oppozizzjoni kollha li fil-Parlament nhar it-Tnejn ser nibdew mexjin it-triq bħala pajjiz biex noħorgu mill-lista l-griza. Messaġġ qawwi internazzjonalment biex nuru li rridu pajjiż li jimxi ‘l quddiem. Għodda li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Dan huwa Partit li jaf fejn irid imur u kif Malta tista’ timxi ‘l quddiem. Dan huwa abbozz li ser iġib bidla għall-aħjar.”

Bernard Grech reġa’ tenna l-wegħda tiegħu li l-PN jibqa’ jkun il-vuċi ta’ kulħadd anke fejn tidħol il-pandemija u r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19. Il-Kap tal-PN saħaq li għandna Prim Ministru mehdi fuq l-inkwiet fil-Partit Laburista minflok ma hu mehdi fuq kif se jisma’ l-karba tas-sidien tar-ristoranti li ma jistgħux jibqgħu għaddejjin kif inhuma bir-regoli dwar il-Covid. Bernard Grech qal li l-PN qiegħed hawn biex jitkellem għal kulħadd “u irridu noħolqu bilanċ bejn il-bżonn tas-saħħa pubblika imma rridu nifhmu wkoll li hemm persuni li jibżaw jew li ma jistawx jieħdu l-vaċċin.” Hu fakkar kif għaliex issa tkellem il-PN, il-Gvern jidher li se jibda jirrilaxxa xi miżuri fil-jiem li ġejjin.

Waqt li kien qed jitkellem fuq il-pandemija u s-settur tas-saħħa, Bernard Grech saħaq li għandna Gvern li ma jafx x’inhu jagħmel lanqas bis-saħħa, bil-ħajja u bil-libertà tiegħna, “Għalhekk se nkunu hemm bħala tarka għal kull min iħoss li m’għandux vuċi. Bħala PN dejjem ħadna ħsieb l-interessi ta’ dan in-nazzjon u hekk ser nibqgħu nagħmlu.”

“Għandna qalb ġenwina u sinċiera li trid biss taħdem għall-ġid tiegħek u ta’ pajjizna biex terġa’ tagħti lura lil pajjiżna l-unur li jixraqlu.” – Bernard Grech