Lokali Transport Turiżmu

Għal 400 impjegat il-bieb ta’ barra – għaċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta €200,000 fis-sena

Teżisti rabja kbira fost il-ħaddiema għall-pakketti eżorbitanti ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro li ngħataw uħud fl-Air Malta, fosthom Karl Stagno Navarra.

David Curmi, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, għandu dħul ta’ aktar minn €200,000 fis-sena mill-istess kumpanija.

David Curmi issa ilu aktar minn sentejn sħaħ fil-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta hekk kif il-ħatra tiegħu daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Dakinhar tal-ħatra tegħu l-Gvern kien qal li David Curmi għandu snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ diversi entitajiet pubbliċi u privati. Kien iservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life p.l.c. u fuq numru ta’ bordijiet ta’ kumpaniji, li jinkludu MAPFRE Middlesea p.l.c., MIDI p.l.c., Plaza Centers p.l.c. u Growth Investments Ltd.

Fi stqarrija uffiċjali – li naturalment fiha ma kienx żvelat kemm David Curmi kien se jingħata fi dħul – il-Gvern kien qal li: “L-Air Malta qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar li kibru minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Nemmen li s-Sur Curmi jista’ jġib impetu ġdid lil-linja tal-ajru nazzjonali biex tikkonsolida l-oqsma li rnexxew, filwaqt li ttejjeb l-oqsma fejn dan ma seħħx.”

U dan id-diskors ma qalu ħadd għajr Clyde Caruana, il-Ministru tal-Finanzi, li issa jrid ikeċċi nofs il-ħaddiema tal-Air Malta ’l barra! Clyde Caruana li qed jieħu d-deċiżjonijiet waħdu u anqas jikkalkola lill-kollegi Ministri fil-Kabinett li bosta drabi jsiru jafu bl-affarijiet mill-midja.

Clyde Caruana, filwaqt li jattakkar lill-predeċessuri tiegħu responsabbli mill-Air Malta – Karmenu Vella, Edward Zammit Lewis, Konrad Mizzi u Silvio Schembri – tajjeb li jipponta subgħajh lejh ukoll u jiftakar li issa ilu aktar minn sentejn responsabbli mill-Air Malta u hu wkoll hu parti mill-falliment. U jekk jaħseb li hu xi Ministru serju, allura hu wkoll għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jdabbar rasu qabel ma jdabbruhielu n-nies fl-Elezzjoni Ġenerali.

Lil hinn mid-dħul eżorbitanti taċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi, tajjeb li nirrapportaw ukoll li minn indaġni li għamlet Il-Mument jirriżulta wkoll li numru ta’ persuni oħra f’karigi għolja fl-istess kumpanija wkoll għandhom salarji eżorbitanti ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro… sal-punt li wħud minnhom ilhom igawdu dawn is-salarji għal bosta snin.

Jirriżulta wkoll li fl-aħħar snin fl-Air Malta kien hemm terzi persuni oħra li wkoll ingħataw pakketti eżorbitanti ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro u wara li fallew minn ħidmiethom spiċċaw irritornaw mal-kumpaniji li kienu jaħdmu magħhom qabel. Fost dawn persuni frodisti li l-ismijiet tagħhom fiċ-ċrieki tal-Air Malta huma magħrufa sew iżda li l-Gvern Laburista aġevolahom u kien daħħalhom mal-linja nazzjonali tal-ajru bi dħul ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Jekk iċ-ċifra tad-dħul taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi issa hi żvelata minn din il-gazzetta – dħul ta’ aktar minn €200,000 fis-sena – mhux l-istess jista’ jingħad għal ċerti bażużżli oħrajn. Pereżempju kulħadd jaf li fost il-ħaddiema tal-Air Malta mħallsa bl-għexieren ta’ eluf ta’ ewro hemm ukoll Karl Stagno Navarra, il-preżentatur tal-midja Laburista One TV li wkoll għandu dħul ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro kull sena.

Li jistogħna ħafna hu kif il-kumpanija Air Malta taffordja li toħroġ dawn l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro lil Karl Stagno Navarra meta sħabu stess jgħidu li dan aktar mhux fl-uffiċċju milli fl-uffiċċju. Jgħidu li ġieli jiġu ġranet sħaħ u dan anqas biss jidher lil hemm.

Jgħidu li minkejja li hu għandu pożizzjoni importanti fid-Dipartiment tagħhom, madankollu qatt ma wera interess fix-xogħol u bih u mingħajru l-piż tax-xogħol dejjem waqa’ fuq l-istess ħaddiema li iżda għandhom dħul ferm u ferm inqas minnu.

Ħaddiema tal-Air Malta li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ Il-Mument għal darba, darbtejn, qalulna li għadhom sa issa ma jistgħux jifhmu kif il-kumpanija hi falluta meta mbagħad hemm persuni fiha li qed jitħallsu l-belli ewro kull sena. “Jekk hawn sitwazzjoni li tirrikjedi s-sagrifiċċju, aħna nistennew li dan is-sagrifiċċju jagħmlu kulħadd. Mill-kbir saż-żgħir. Mhux ċerti persuni għandhom dħul ta’ għexieren ta’ ewro kull sena u lilna se jkeċċuna!”

Testwalment qalulna li: “Barra minn hekk fejn tidħol l-Air Malta kulħadd jaf kemm xorob eluf kbar ta’ ewro minnha mingħajr ma ta s-servizzi tiegħu. Ġranet ma jiġix għax-xogħol. Ġranet jitfaċċa ftit u jitlaq ’il barra wara ftit tal-ħin. Skartar… u dan kollu mhux serq sfaċċat? Għaliex fl-aħħar mill-aħħar f’kull tmiem ix-xahar dejjem ħa s-salarju u l-benefiċċji l-oħrajn sħaħ!

“Sal-Ministru Clyde Caruana stess fil-pubbliku ċanfru u ordnalu biex jibda jirrapporta għax-xogħol bħal sħabu, inkluż sħabu fl-uffiċċju li bih u mingħajru jagħmlu l-istess xogħol għaliex l-inklużjoni tiegħu (insult kbir għalihom) ma għamlitilhom l-ebda differenza.

“U mhux iċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi wkoll kien wiegħed li se jindirizza s-sitwazzjoni! Għax jaf tajjeb fejn Karl Stagno Navarra jkun waqt il-ħinijiet li suppost ikun għax-xogħol! Imma David Curmi se jkun hu li jeħodha kontra min poġġih fir-rwol li jinsab bih b’salarju ieħor eżorbitanti?

“Fi ftit kliem, għal dawn il-kapriċċi kollha qed ikollna nħallsu aħna l-ħaddiema tal-Air Malta li ninsabu bil-giljottina fuq rasna. Fil-fatt bosta minna f’dawn il-jiem diġà marru – b’dieqa kbira fuqhom u kontra qalbhom – japplikaw biex minn mal-Air Malta jmorru maċ-Ċivil jew ma’ xi kumpaniji jew awtoritajiet li għandu l-Gvern.”

Karl Stagno Navarra, frodist magħruf, hu fost dawk li fis-snin li għaddew pappiha sew minn fuq dahar il-ħaddiema tal-Air Malta li huma maħruqa u rrabjati ħafna għalih għall-fatt li għall-kapriċċi tiegħu u ta’ ftit oħrajn tal-qalba se jispiċċaw ikunu huma li jagħmlu tajjeb “għaliex bl-iskuża li l-kumpanija tkun salvata, se jkeċċu nofs il-ħaddiema!”

Il-ħaddiema tal-Air Malta li f’dawn il-jiem iltaqgħu ma’ Il-Mument tkellmu dwar dan id-diżappunt kbir tagħhom li kontra x-xewqa tagħhom se jispiċċaw imkeċċija mill-Air Malta, aktar u aktar meta wħud ilhom impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru għal snin twal u dejjem taw is-servizzi tagħhom b’lealtà u b’sagrifiċċji.

“Għaliex issa ma jiġix iċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi u jgħidilna li “din hi skema volontarja għal xogħol ieħor bl-istess paga.” Din ma hi xejn skema volontarja, iżda giljottina fuq rasna. Qegħdin jimbuttawna biex nitilqu llum qabel għada mill-Air Malta. Mela żbaljaw huma, ħaxxnu buthom huma, ħadu deċiżjonijiet ħżiena huma, impjegaw persuni b’salarji ta’ €150,000 u aktar… u issa nitilqu aħna; nitkeċċew aħna… u dawn l-għasafar tal-bejt li għamlu mill-Air Malta mandra sħiħa, imlew buthom u issa ħallewna għal riħna!” qalulna dawn il-ħaddiema b’rabja kbira għat-tmexxija ħażin li sofriet il-kumpanija.

Huma komplew li ma kenux jistennew miċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi li jipprova jdendlilhom il-karrotta tal-istess paga. “Aħna mhux l-istess paga rridu, imma li nibqgħu nservu fl-Air Malta fejn ħdimna għal snin twal b’dedikazzjoni u b’impenn. Għaliex dan hu l-post tax-xogħol tagħna. Staqsu lill-piloti tal-Air Malta li tkeċċew u spiċċaw fi Transport Malta ħalli jgħidulkom huma kemm huma kuntenti!” komplew jgħidulna l-istess ħaddiema.

Huma żiedu jirriferu għal dak li qal iċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi dwar il-prattiċi tax-xogħol u hawnhekk fetħulha bil-kbir fuq dak li suppost hu kollega tagħhom – Karl Stagno Navarra – li hu sigriet magħruf li bħala pakkett ingħata wieħed ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro kull sena. “Kieku jagħmel xogħlu wieħed jagħlaq għajnejh. Imma staqsuh kemm-il darba rrapporta għax-xogħol? Kemm-il darba mar għax-xogħol u telaq wara ftit tal-ħin? Naturalment staqsu wkoll lill-kollegi tiegħu tal-uffiċċju għaliex Karl Stagno Navarra ma tistax toqgħod fuqu għaliex jigdeb daqskemm jieħu nifs.”

Il-ħaddiema tal-Air Malta qalulna li din il-ġimgħa ċ-Chairman Eżekuttiv mar fuq it-televiżjoni u qal li: “l-Italja hi l-għażla naturali biex l-Air Malta tiftaħ bażi barra l-pajjiż fejn ikollha ajruplan jew aktar u għadd ta’ ħaddiema għal titjiriet li jitilqu u jirritornaw hemmhekk.”

Hu qal ukoll li: “biex isir hekk wieħed irid jibda jaħseb dwar l-Air Malta bħala linja li ttir bejn bliet Ewropej mhux minn Malta biss.”

Fl-isfond ta’ dan id-diskors il-ħaddiema tal-Air Malta staqsew x’żamm lill-istess Chairman Eżekuttiv milli jaħdem fuq dawn il-pjani fil-perjodu li ilu jokkupa din il-kariga? Għaliex ħafna paroli issa u fid-disa’ snin li għaddew l-Air Malta serviet biss biex taqdi l-bżonnijiet tal-Ministri li faqgħuha bil-ħaddiema żejda mid-Distretti Elettorali rispettivi tagħhom?

L-istess ħaddiema rriferew għal dak li qal David Curmi dwar l-importanza li “l-ispejjeż iridu jonqsu għax jekk l-ispejjeż mhux se jonqsu allura l-vijabbiltà mhux se tinkiseb.” Irriferew ukoll għal dak li qal fir-rigward tal-prattiċi mistennija f’dan il-post tax-xogħol.

Fl-isfond ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet il-ħaddiema kienu iebsa u staqsew kif David Curmi jista’ jittieħed bis-serjetà jekk jaf bil-ħala u bis-serq u b’ħaddiema ma jirrapportawx jew jiskartaw għax-xogħol – każ tipiku hu dak ta’ Karl Stagno Navarra –  u m’għamel xejn.

“Indaga, pereżempju min ħa u forsi għadu qed jieħu l-kummissjonijiet mill-kirjiet tal-Airbus 320 neo li l-Air Malta qed tuża bħalissa?

“Dawn huma ajruplani mikrija mingħand lease aircraft company partikulari u l-ftehim dwar il-kirjiet tagħhom imur għall-perjodu meta l-Ministru responsabbli mill-Air Malta ma kien ħadd ħlief Konrad Mizzi.

“Dak iż-żmien l-Air Malta kienet daħlet għal dan il-ftehim u persuni li huma intiżi fl-avjazzjoni mill-ewwel kienet okrithom għajnhom għal diversi fatturi.”

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ Il-Mument staqsew lil David Curmi jgħid li dawn it-tip ta’ ajruplani Airbus 320 neo huma skartati għaliex il-ġestjoni tagħhom u l-manutenzjoni tagħhom tqum ħafna flus.

Dakinhar kien qam ukoll l-argument dwar il-ħlas enormi tal-kirjiet ta’ kull ajruplan… ċirka €350,000 għal kull ajruplan mikri kull xahar!

Fl-isfond ta’ dan kollu mhux bilfors li jitqajmu s-suspetti kollha u mhux bir-raġun li terzi fl-avjazzjoni jistaqsu  min huma dawk li qed jieħdu dawn l-allegati kummissjonijiet? U kemm jammontaw dawn il-kummissjonijiet li allura ġejjin mill-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin?

Dawn il-ħlasijiet b’abbuż u mhux spjegabbli li qed jintefqu mill-kaxxa ta’ Malta komplew joħorġu aktar fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat u jiem hekk kif kien żvelat ukoll kemm ta d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne lil Carmen Ciantar bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – pakkett li jlaħħaq is-somma ta’ €163,000 jew €13,000 fix-xahar.