Lokali

“Għal Abela, jekk tiġġieled l-korruzzjoni tkun mafia state” – PN

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista

Robert Abela llum beda narrativa ġdida u iddisprata fejn qed iwaħħal fl-Oppożizzjoni għall-inkompetenza ekonomika tiegħu, wara disa’ snin ta’ gvern Laburista.

Wara li nixxef il-finanzi tal-pajjiż, ġab lil Malta greylisted, naqas milli jattira investiment ġdid u ħela miljuni f’kuntratti skandalużi, l-unika kisba ekonomika ta’ Abela hija d-dejn nazzjonali rekord.

Minflok iwaħħal fil-pandemija jew l-Oppożizzjoni, Abela għandu jirrifletti fuq id-deċiżjonijiet ħżiena tiegħu stess li jinkludu li jonfoq aktar fuq kuntratti korrotti u li jagħmluha impossibbli għan-negozji ż-żgħar li joperaw.

F’diskors difensiv fejn ma semma xejn dwar Joseph Muscat, Abela talab għall-għaqda, filwaqt li rrikorra għall-gideb dwar il-Partit Nazzjonalista biex jiġbor l-appoġġ tiegħu.

Gideb meta qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jittimbra lil Malta bħala stat mafjuż jew irid jipprojbixxi l-użu ta’ WhatsApp, u l-gideb tieghu wrew li m’għandux interess f’dibattitu serju dwar it-12-il Abbozz ta’ Liġi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Gideb meta qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jipprevjeni lil Malta milli tieħu fondi tal-UE għall-pipeline tal-gass, meta kien il-PN li ġġieled għal dan il-proġett, flimkien mal-fondi kollha tal-UE li tgawdi Malta mill-2004.

Gideb meta qal li l-Partit Nazzjonalista ma riedx ritorn għan-normalità, meta l-Partit Nazzjonalista qed jitlob l-irtirar ta’ miżuri li Abela stess jammetti li m’għadhomx meħtieġa.

Abela, li ilu sentejn jaħrab mid-dibattiti, illum wissa wkoll li l-elezzjoni li ġejja mhux se jkollha dibattiti politiċi iżda biss attakki personali.

Id-diskors tiegħu jikkonferma li filwaqt li kulħadd ta’ madwaru qed jinduna li mhux kapaċi, l-unika ħaġa li jista’ jagħmel hu li jirrikorri għal attakki personali krudili, fosthom attakki fuq l-istituzzjonijiet li għandu jkun qed jiddefendi.