Il-Pandemija għadha fostna u n-negozji u l-ħaddiema għadhom qed isibuha diffiċli li jsibu saqajhom. Dan filwaqt li l-inċertezza li qed joħloq il-Gvern, bit-tibdil tal-miżuri u n-nuqqas ta’ spjegazzjoni, qed tkompli toħloq diffikultajiet kbar għall-istess negozji u ħaddiema.
L-inċertezza u d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw in-negozji u l-ħaddiema kienu fuq quddiem nett tad-diskusjoni fuq il-programm tal-Profs. Andrew Azzopardi fuq 103FM. Diskussjoni li fiha ħadu sehem l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Risotranti, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-UĦM Voice of the Workers u l-General Workers Union.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat saħaq li numru mill-miżuri li daħlu kienu estremi u fil-konfront ta’ settur wieħed. Filwaqt li spjega kif is-settur tat-turiżmu għaddej minn diffikultà kbira, hu saħaq li issa wasal iż-żmien li l-Gvern ma jibqax jiddetta.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb appellat għal kunsultazzjoni serja u aktar sapport f’dak li għandu x’jaqsam prattiċità. Hi saħqet li r-realtajiet għal kull negożju huma differenti u ma tistax tagħmel risk assessment wieħed. Marisa Xuereb tkellmet dwar il-wage suppliment u spjegat li dawn il-flus li qed jinhargu huma dejn li xi darba jew ohra jrid jithallas lura lill-Gvern. Dan filwaqt li tkellmet dwar kif il-kwarantina qed taffetwa lill-ħaddiema u lil min iħaddem fejn saħqet li hemm kriterji li qed ifallu t-test tal-loġika.
Il-Viċi President taċ-Chamber of SMEs, Philip Fenech spjega kif 70% tar-retail jiddependi fuq it-turiżmu. Hu appella lill-Gvern biex ikun ċar fir-regolamenti li joħroġ. Hu saħaq li dawk li kienu qed jiddependu fuq it-turisti biss issa anke mal-banek qed isibu l-problemi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, tkellem dwar is-sitwazzjoni ta’ konfużjoni li ninsabu fiha. Is-Segretarju tal-GWU Josef Bugeja, minn naħa tiegħu tkellem dwar l-istress u l-anzjetà li qed jgħaddu minnha l-ħaddiem.
//= $special ?>