Lokali

Il-kriżi u l-inkonsistenzi jifnu lil Robert Abela – attakk sfrenat fuq l-istituzzjonijiet

Il-kriżi fi ħdan il-Partit Laburista iddominat l-attività politika tal-Labour fin-Nadur, Għawdex, f’mossa meqjusa minn ħafna bħala ‘show of force’ favur Robert Abela orkestrata minn Kastilja.

Dan wara d-dikjarazzjonijiet li għamel fl-aħħar jiem fuq Facebook l-eks Mexxej Joseph Muscat, li ħassu urtat u umiljat mill-Pulizija, li għamlulu raid f’daru.

Instigati minn dawk qrib Abela, matul l-attività, dawk preżenti għajtu “Robert Robert”, bil-Kandidat Rebecca Buttigieg u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba itennu messaġġi ta’ eloġju favur il-Leader wara dak li seħħ f’Burmarrad.

Min-naħa l-oħra, matul l-attività, il-kelliema injoraw għal kollox lil Joseph Muscat u anke lill-kisba li Roberta Metsola kisbet din il-ġimgħa għal pajjiżna, bil-vot qawwi li kisbet għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew.

Minflok, Abela għażel li jkompli man-narrattiva tal-bidu tal-ġimgħa u jkompli jhedded lill-istituzzjonijiet.

Il-Mexxej Laburista tenna l-messaġġ ċar u tond  lill-istituzzjonijiet anke meta ħaddan miegħu lill-messaġġier ewlieni tal-propoganda Laburista Manuel Cuschieri, li wassal messaġġ isteriku kontra l-Pulizija u l-Qrati matul il-programm tiegħu fuq ir-radju tal-Partit.

Sadanittant, fost diversi attakki partiġġjani kontra l-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu, Abela għażel li jippolitiċizza kompletament il-pandemija, filwaqt li pprova jiġġustifika kif qed iċaħħad il-libertà bil-miżuri dwar iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin meta qal li dan il-pass sar għax kulħadd hekk qed jagħmel … b’bosta spiċċaw sfurzati jagħżlu bejn jieħdu l-booster jew saħansitra jitilqu minn xogħlhom.

U filwaqt li injora għal kollox il-fatt li nofs il-ħaddiema tal-Air Malta tkeċċew mill-impjieg tagħhom – għad-differenza tal-propagandista Laburista Karl Stagno Navarra, li qed jibqa’ jaqla’ l-eluf mingħand il-linja tal-ajru – Abela insista li l-Labour dejjem kien qrib in-negozji.

Dan ftit jiem biss wara li l-eks Chief of Staff tiegħu u l-Ministru ppreferut ta’ Abela, Clyde Caruana, laqqamhom Komunisti.

Matul l-attività politika, Abela qal li jmexxi partit li jemmen fl-Edukazzjoni, għalkemm ma qalx li f’erba’ snin biss, il-Labour kellu erba’ Ministri differenti għal dan is-settur importanti.

Fost dawk preżenti fil-fillieri ta’ quddiem, b’appoġġ lil-Leader, kien hem l-eks Sindku Laburista Anthony DeGiovanni, li xahrejn ilu kien saħaq li Matthew Caruana Galizia għandu parti mit-tort fl-assassinju ta’ ommu għax ħalla l-karozza barra.

Sal-lum, la Robert Abela u lanqas ħadd fil-Partit Laburista ma kkundanna kliem l-eks Sindku u llum opinjonista magħżul minn Kastilja biex jiddefendi lil-Labour.