Lokali

Il-Partit Laburista jattakka s-suċċess ta’ Roberta Metsola

Il-ħatra prestiġjuża ta’ nhar it-Tlieta li għadda meta l-Ewroparlamentari Maltija Robert Metsola kienet eletta l-President tal-Parlament Ewropew kixfet il-maskra ta’ Laburisti li attakkawha fil-midja soċjali sal-punt li stqarrew “li ma jaslu li jkun qatt u qatt li jawgurawlha għal dan is-suċċess”, “żibel” u “traditura”.

Dawn il-messaġġi ta’ ħdura u kattiverija kienu jikkontrastaw mal-ġest li għamel il-Prim Ministru Robert Abela li f’kumment lill-midja faħħar l-abbiltajiet ta’ Roberta Metsola u awguralha kull suċċess.

Iżda fuq quddiem nett ta’ messaġġi kontrastanti l-kandidat Laburista Herbert Conti li f’messaġġ fuq il-midja soċjali – messaġġ akkumpanjat mill-famuż ritratt ta’ meta Roberta Metsola rrifjutat li tieħu b’idejn lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – stqarr li: “Ideat u suġġerimenti. Roberta Metsola, tista’ tkun fdatha??? Wara li pprovat tiddegrada lil Dr Joseph Muscat billi ma ħaditlux b’idu?
Wieħed mill-aqwa Prim Ministri li qatt kellha Malta, u li dejjem ipprietka l-għaqda mal-Moviment Laburista, partiti politici u entitajiet oħra?”

Il-faqar u l-pwerilità ta’ dan il-messaġġ iġġenera għadd ta’ reazzjonijiet, fosthom reazzjonijiet li żżuffjettaw bl-istess kandidat Laburista għal-livell miskin li rnexxielu jaqa’ fih. Dan meta f’pajjiżna u lil hinn minn pajjiżna prattikament kulħadd feraħ għal dan is-suċċess importanti ta’ Roberta  Metsola għaliex mhux biss jgħolli isimha bħala Maltija, iżda jgħolli wkoll isem pajjiżna.

Imma b’dan il-messaġġ stupidu, Herbert Conti ħareġ kemm il-Partit Laburista għandu kandidati limitati x’jippreżenta lill-elettorat Malti.

Sadattant kien hemm numru ieħor ta’ Laburisti li nhar it-Tlieta ftakru f’dak ir-ritratt sinifikattiv għall-aħħar meħud f’Diċembru tal-2019 meta l-Ewroparlamentari Roberta Metsola għolliet idha biex tgħid “le” lil Joseph Muscat milli teħodlu b’idu. Joseph Muscat kien għadu Prim Ministru u kellu f’Kastija żjara minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew. Roberta Metsola kienet parti minn dik id-delegazzjoni Ewropea għaliex hi kienet qed tirrappreżenta lill-Partit Popolari Ewropew (PPE) dwar ‘Is-Saltna tad-Dritt’. Ftit jiem wara Joseph Muscat kien irreżenja minn Prim Ministru.

Dak il-mument imbarazzanti għal Joseph Muscat baqa’ frisk fil-memorja ta’ kulħadd u Laburisti għadhom sal-lum ma jaħfruha qatt lil Roberta Metsola filwaqt li jfittxu l-okkażjoni biex jattakkawha.

Kif għamel Charlo Pace li kiteb: “Keep embarrassing us Robert… proset” f’attakk dirett fuq il-Prim Ministru Robert Abela li nhar it-Tlieta, personalment, mar Strasburgu biex feraħ lill-Ewroparlamentari Maltija.

Imbagħad għal dan id-diskors twieġbu Sabrina Zammit li tistqarr: “Mhux f’ismi!”, filwaqt li Wyatt Zammit jesprimi li: “Dak taparsi. Xi tridu jgħid bħala Prim Ministu ta’ Malta. Wara kollox Mexxej kemm tan-Nazzjonalisti u anki tal-Laburisti. Ideoloġiji kompletament differenti mix-Xellug. Jien ma tinteressanix għaliex hi Maltija. Tista’ tmur tixxejjer għalija!”

Ma jonqosx ukoll il-kumment fjakk ta’ Davi Pizani li kiteb: “Ħoss fl-ilma Prim. Dik l-ewwel l-Ewropa u mbagħad Malta. Mark my words.”

Jennifer Spiteri mbagħad iżżid id-doża tal-ħdura u tikteb: “Ma jkun qatt li nawguralha. Sorry għażiż Prim Ministru,” b’Jimmy Spiteri jkompli billi jgħid: “Mhux f’ismi. Dik jaqq kollha.”

Il-kummenti dispreġġjattivi f’dan il-jum li għaqqad lill-pajjiż kollu komplew bil-messaġġ ta’ Aaron Ellul li staqsa: “X’ma jsawtukx Robert! Min jaf x’aġenda moħbija diġà għandhom għalik?” Bit-tweġiba tasal mingħand Jesmond Zammit li qal: “Ija issa taħdimlek. Imla’ rasek. Komplu imxu bl-ingwanti ma’ dawn in-nies ħalli jkompli jaqtgħulkom saqajkom.”

Bla dubju ta’ xejn li dan ix-xenarju juri kemm għad fadal fostna Laburisti li jagħmlu minn kollox biex jiżirgħu l-firda u l-mibegħda. Laburisti li ma jinbidlu qatt.