Bil-kredenzjali li għandu, bil-ħidma u bil-perseveranza, il-Partit Nazzjonalista jista’ jasal. Bl-għaqda, il-Partit Nazzjonalista jista’ juri li hu verament kapaċi li jkun fit-tmun tal-pajjiż.
Kliem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius waqt li kien qed jindirizza l-attività politika fil-Każin tal-Partit f’Santa Luċija.
David Agius semma’ l-ħidma ma taqta’ xejn li għaddejja fil-Partit, bl-impenn ta’ diversi Uffiċjali, iżda anke grazzi għat-taħlita ta’ Kandidati b’esperjenza u oħrajn ġodda, li ssarfet għal proposti studjati fuq setturi importanti bħall-Edukazzjoni, l-Enerġija, it-Turiżmu, l-Ambjent u ħajja aħjar għall-Ħaddiema.
Hu għamel referenza wkoll għall-mod kif, matul din il-ġimgħa, Roberta Metsola għamlet unur kbir għal pajjiżna, bl-appoġġ fost l-oħrajn tal-Kap tal-Partit Bernard Grech u ta’ Simon Busuttil, iżda wkoll ta’ David Casa, li ra li jibqa’ qribha anke billi għażel li jirrinunzja l-kariga ta’ Kwestur biex jappoġġja l-kandidatura tagħha.
Dwar il-ħidma Parlamentari, David Agius qal li t-Tnejn se jkun ippreżentat Abbozz li jiġbor fih 11-il Abbozz ippreżentati fl-aħħar jiem u li l-Gvern ra kif jagħmel biex ma jkunux diskussi. Umbagħad hemm l-Abbozz l-ieħor li jitlob li jkun hemm Maġistrat speċifikament għall-ħidma kontra l-korruzzjoni.
Sadanittant, l-attività kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Beppe Fenech Adami, li faħħar lill-ħaddiema kollha tal-forzi tal-ordni għall-ħidma sfieqa tagħhom – il-Pulizija, il-Forzi Armati u l-Gwardjani tal-Ħabs, fost oħrajn.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed isegwi mill-qrib l-inkwiet, l-inċertezza u d-dwejjaq li qed jiffaċċjaw f’ħidmiethom, filwaqt li tenna li dawn il-ħaddiema wkoll huma importanti għall-Partit immexxi minn Bernard Grech.
Beppe Fenech Adami ngħaqad fl-awguri lil Roberta Metsola, li bil-vot qawwi li ngħatat, għandna nkunu kburing li hi MEP tal-Partit Nazzjonalista. Hu appella lill-poplu biex jagħżel b’għaqal bejn il-kontinwità ta’ Muscat u Abela jew il-Paġna Ġdida li qed joffri Bernard Grech.
Hu qal li pajjiżna għandu bżonn Prim Ministru onest u lill-Partit Nazzjonalista ħalli nerġgħu nkunu kburin f’pajjiżna.
U Graziella Galea, li fil-jiem li għaddew intagħżlet b’vot unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit biex tibda tifforma parti mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, fakkret kif hi biss tmexxija tajba li ġġib lill-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.
Hi kompliet billi fakkret fil-proposti li l-Partit Nazzjonalista qed iressaq għax jemmen li kull settur u kull ħaddiem ħaqqu Gvern aħjar. Hu għalhekk li fil-ġimgħat li ġejjin, il-poplu għandu jivvota għall-Prim Ministru li pajjiżna għandu bżonn.
Filwaqt li hi wkoll awgurat lil Roberta Metsola, Graziella Galea appellat liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħu qalbhom qatt. Dan minkejja li l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern b’għajtiet li spiċċa ma wettaqx, tant li llum qed naraw nuqqas qawwi ta’ opportunitajiet għal kull settur.
//= $special ?>