Futbol Sport

Marsa jirbħu b’żewġ gowls fil-ħin miżjud

Chris Cassar

LUQA SA …………………. 0
MARSA …………………… 2

Luqa SA: JR. Villar Flores, J. Camilleri, K. Olowoyo, M. Farrugia, M. Dominicius, R. Schembri, K. Degiorgio, F. Lufi, L. Nwaogu, L. Mallia, A. Sant
Marsa: A. Cassar, G. Virano, L. Brincat, S. Arab, S. Bezzina, C. Gatt Baldacchinio, R. Darmanin, A. Scicluna, K. Bonello, G. Mykay, V. Alinho.
Referee: Slawomir Olucha

Marsa skorjaw darbtejn fil-ħin miżjud biex kisbu rebħa prezzjuża u meritata kontra Luqa. Marsa attakkaw għal ħinijiet twal u resqu diversi drabi viċin il-gowl fejn laqtu l-lasta avversarja tliet darbiet.

Marsa mill-ewwel marru fuq l-attakk u wara ħames minuti daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Alinho kienet salvat minn Villar Flores megħjun mil-mimduda. Din l-azzjoni iżda rriżultat bħala l-iktar waħda perikoluża ta’ Marsa fl-ewwel 45 minuta għaliex minkejja li żammew l-inizzjattiva ftit li xejn kienu perikolżi minkejja l-ġirjiet tajbin li beda jagħmel Arab fuq ix-xellug.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Marsa rnexxielhom jirkosrjaw b’daqqa ta’ ras Ta’ Luca Brincat iżda dan il-gowl kien imħassar għal offside tal-istess plejer. Ftit minuti qabel Marsa ħelsuha ħafif meta f’azzjoni konfuża quddiem il-lasta xutt ta’ Kieran Degiorgio kien maqlugħ minn fuq il-linja u mir-rebound l-istess Degiorgio ra x-xutt tiegħu salvat b’mod spettakolari minn Cassar.

It-tieni taqsima bdiet bħall-ewwel waħda b’xutt bomba ta’ Alinho jistampa mal-mimduda. Fil-51 minuta Luca Brincat qabeż anki lill-goalkeeper iżda Mark Farrugia salva minn fuq il-linja. Ix-xorti żgur ma kinitx ma’ Marsa li fiil-61 minuta għal darb’oħra laqtu l-mimduda din id-darba fuq xutt ta’ Luca Brincat.

Dak li ma seħħx f’90 minuta seħħ fil-ħin miżjud meta fil-91 minuta kross shot ta’ Arab qarraq bil-goalkeeper bl-ballun jaħbat mal-lasta u jispiċċa fix-xibka u tliet minuti wara f’azzjoni ta’ kontrattakk u bit-tim kollu ta’ Luqa żbilanċjat kien Ian Montanaro li skorja f’lasta vojta.

Draw ġust f’konfront dirett

SENGLEA A. ………………0
MGARR U. …………….… 0

Senglea A: J. Pisani, J. Sultana, M. Ablett, E. Tawieh, L. Grech, M. Zarb, B. Schembri, V. Tenorio, O. Magro, N. Grech, M. De Lucena Matheus.
Mġarr U: J. Chircop St.John, I. Borg, L. Grech, C. Borg, U. Calistus, M. Camilleri, S. Saldanha, J.L. Micallef, C. Gauci, P. Mota De Lima, M. Attard.
Referee: Stefan Pace

Draw ġust ta’ mingħajr gowls f’konfront dirett fin-naħa t’isfel tal-klassifika, riżultat li jħalli lil Senglea b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq l-avversarji. Il-logħba qatt ma laħqet livelli għoljin anki jekk fit-tieni taqsima ir-riżultat deher li seta’ jinfetaħ minn ħin għall-ieħor hekk ki iż-żewġ difiżi dehru vulnerabbli, iżda ż-żewġ goalkeepers baqgħu mhux megħluba sat-tmiem.

Fl-ewwel minuti kienu Mġarr perikolużi b’xutt ta’ Jamie Micallef imur barra u wara konklużjoni ta’ Mota De Lima kompletament żbaljata. Mal-ħin Senglea ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom iżda kienu perikolużi biss fil-25 minuta meta Tenorio xeħet ftit barra minn qagħda ideali.

Fit-38 minuta kien hemm xutt sabiħ ta’ Bradley Schembri u kien hemm ir-risposta brillanti tal-goalkeeper Chircop li dawwar għal korner. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima opportunita’ kbira għal Mġarr bid-daqqa ta’ ras ta’ Saldanha minn żewġ passi bogħod tiġi f’idejn il-goalkeeper. Fit-tieni taqsima l-logħba kienet iktar bilanċjata biż-żewġ naħat ikollhom iċ-ċansijiet tagħhom li iżda ma kienux sfruttati.