Lokali

Eluf ta’ persuni jinġabru f’dimostrazzjoni kontra l-miżuri tal-Covid-19

Il-Ħadd, quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta, eluf ta’ persuni nġabru f’dimostrazzjoni sabiex jipprotestaw kontra l-miżuri tal-Covid-19 introdotti fil-bidu tal-ġimgħa.

Fost l-għajjat ta’ “libertà”, bosta saħqu li s-sitwazzjoni tinsab f’qagħda prekarja ħafna hekk kif diversi nies spiċċaw kostretti jieħdu l-vaċċin tal-booster bilfors biex jidħlu f’ristoranti, ċinemas, gyms, bars, pools jew saħansitra sabiex jattendu attività. Oħrajn kienu mġiegħla jieħdu l-booster sabiex ikunu jistgħu jkomplu xogħlhom…b’uħud li jagħżlu li ma jiħduhx, fost oħrajn minħabba raġuni medika jispiċċaw mingħajr eżenzjoni u għaldaqstant emarġinati mis-soċjetà.

Folla kbira nġabret quddiem il-Parlament, f’dimostrazzjoni li kompliet lejn Pjazza San Ġorġ filwaqt li appellaw li l-Gvern qiegħed jiddiskrimina ma’ min mhux imlaqqam kontra l-Covid-19.

Oħrajn preżenti saħqu li huma tlaqqmu bi sħiħ madanakollu jemmnu li dawn il-miżuri huma diskriminatorji għall-aħħar, filwaqt li sejħu għall-Prim Ministru Robert Abela sabiex ineħħi dawn il-miżuri kompletament.

Dan filwaqt li waqt din il-protesta kienu qed jinġabru firem għal petizzjoni kontra l-fatt li trid ċertifikat tal-vaċċin validu, jiġifieri bil-booster, sabiex tidħol f’ristorant.