Lokali

Opinjonista tal-Labour jgħid li “tal-Vitals spiċċaw jerdgħu minn fuq il-poplu”

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiżdiedu l-kundanni għall-mod kif il-Gvern ħalla t-tliet Sptarijiet Pubbliċi – l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – f’idejn il-privat. Għalkemm minn dan il-kuntratt, pajjiżna mhu qed jieħu xejn.

Tal-istess idea anke l-preżentatur tal-media Laburista Mario Tabone Vassallo, li saħansitra qal li tal-Vitals spiċċaw jerdgħu il-ħin kollu minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi wara li l-Gvern tahom il-flus biex imexxu l-isptarijiet …meta huma, suppost, kellhom jinvestu l-miljuni. Madankollu, spiċċaw xorta baqgħu jitkarbu fuq il-Gvern.

L-attivista veteran Mario Tabone Vassallo għamel din id-dikjarazzjoni fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista meta ngħaqad ma’ diversi opinjonisti li issa qed jirrikonoxxu dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar l-iskandlu tal-Vitals.

Iżda quddiem dan kollu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ stinat u jwebbes rasu billi ma jipprova jagħmel xejn biex iwaqqaf dan il-kuntratt. Aktar u aktar issa li nkixef kif ta’ Steward għandhom rabta mal-kumpanija Accutor, li tat l-eluf f’konsulenzi lil Joseph Muscat.

Fi żviluppi oħrajn, skont il-gazzetta MaltaToday, it-tmexxija ta’ Abela qed tittama li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jirbaħ il-kawża li fetaħ fil-Qorti biex jevita li jagħti l-miljuni mat-tluq tas-sidien barranin. U dan minkejja li l-istess Gvern ta’ Abela għadu kif ivvota biex ta’ Steward Healthcare – li ħadu l-Isptarijiet mingħand tal-Vitals – jingħataw aktar miljuni ta’ ewro.

Fil-kawża tiegħu, Adrian Delia qed jitlob li t-tliet sptarijiet jerġgħu jingħataw lill-poplu. Barra minhekk, Delia u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fetħu Protest Ġudizzjarju flimkien biex il-Qorti tara li tinżamm ir-reponsabbiltà minn kulmin hu involut f’dan id-deal skandaluż.