Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal fil-kwarti finali tal-Open tal-Awstralja… Alexander Zverev eliminat

(Ritratt: EPA)

L-Ispanjol Rafael Nadal għadda għall-kwarti finali tal-Open tal-Awstralja meta għeleb lil Adrian Mannarino fi straight sets 7-6 6-3 6-2. Nadal b’hekk se jkun qed iħares li jkompli bil-mixja pożittiva fit-triq biex jirbaħ il-21 Grand Slam tal-karriera tiegħu.

Fil-kwarti finali Nadal se jiltaqa’ kontra Denis Shapovalov, b’dan tal-aħħar jegħleb lil Ġermaniż Alexander Zverev. Għal Zverev dan kien diżappunt ieħor wara hekk kif għadu qed ifittex li jirbaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera, minkejja li s-sajf li għadda rebaħ id-deheb fl-Olimpjadi ta’ Tokyo.

Fil-kategorija tan-nisa is-seed numru wieħed Ashleigh Barty kompliet tavvanza meta għelbet lil Amanda Anisimova 6-4 6-3. Barty qed tittama li ssir l-ewwel champion Awstraljana f’44 sena li tirbaħ l-Open f’pajjiżha. Fil-kwarti finali Barty se tilgħab kontra l-Amerikana Jessica Pegula.