Internazzjonali

Russja: ‘Kumplott biex l-Ukrajna jkollha sostenitur ta’ Moska fit-tmexxija’

Ir-Renju Unit akkuża lill-President tar-Russja, Vladimir Putin, b’li qed jikkonfoffa biex l-Ukrajna, ‘il quddiem, ikollha Mexxej li jkun jappoġġja bis-sħiħ lill-Gvern ta’ Moska.

Il-Foreign Office ta’ Londra ħa pass mhux tas-soltu fejn semma lill-eks deputat parlamentari Ukren, Yevhen Murayev, bħala l-‘għażla potenzjali’ ta’ Moska għall-Presidenza tal-Ukrajna minflok il-President Ukren attwali, Volodymyr Zelensky.

Il-Punent għadu qed isegwi b’attenzjoni s-sitwazzjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna wara li r-Russja mexxiet mal-100,000 suldat lejn dik iz-zona. Ir-Russja qed tinsisti li mgħandhiex pjan biex tinvadi lill-Ukrajna, waqt li l-Ministri tal-Gvern Britanniku wkoll qed iwissu li l-Gvern Russu għandu jiffaċċja l-konsegwenzi serji f’każ  ta’ inkursjoni militari fit-territorji Ukreni.

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, qalet li skont l-aħħar informazzjoni, qegħdin jidhru sinjali tal-attività mir-Russja bil-għan li tonqos l-awtorità tat-tmexxija preżenti fi Kiev. Ingħad ukoll li Putin qed jaħseb biex ikompli jnaqqar mis-sovranità tal-Ukrajna.

Liz Truss kompliet li dan l-aġir ‘qed jixgħel dawl fuq kif jaħsibha l-Kremlin’ – bir-Renju Unit qed jissieħeb mal-Istati Uniti fi stqarrijiet biex ir-Russja tnaqqas mit-tensjoni mal-fruntiera tal-Ukrajna u biex il-Gvern ta’ Putin itemm il-kampanja ta’ aggressjoni u jirritorna għad-diplomazija.

Fi żviluppi oħra, il-Kap tal-qawwiet tal-baħar tal-Ġermanja rriżenja dwar kummenti kontroversjali li għamel dwar l-Ukrajna. Il-Viċi-Ammirall, Kay-Achim Schönbach , kien qal li ‘ma tagħmilx sens’ l-idea li r-Russja trid tinvadi lill-Ukrajna waqt li tenna li l-President Putin irid biss li jkun irrispettat.

Numru ta’ pajjiżi, fl-aħħar jiem, issupplew l-armamenti lill-Ukrajna, iżda l-Ġermanja rrifjutat it-talba ta’ Kiev għal kunsinni tal-munizzjon.

Dan meta l-President Putin kompla jtenni t-tħassib tiegħu dwar ‘is-sigurtà tar-Russja’ waqt l-aħħar kuntatti li kellu mal-mexxejja tal-Punent.