Futbol Sport

Sirens jitilgħu fil-ħames post b’rebħa fuq Sta. Lucia

Rowen Camilleri

SIRENS……………… 2

SANTA LUCIA…….1

Sirens: J. Debono, H. Motta, C. Borg (D. Jackson 61’), B. Gavrilla (C. Flores 77’), D. Albanese, J. Walker, C. Lonardelli (A. Effiong 77’), A. Cini, C. Riascos, V. Vieira

Sta. Lucia: C. Farrugia, A. Prates, J. Pisani, N. Pulis, P. Mota, V. Plut, A. Da Silva Souza, V. Filho, J. Zerafa (A. Davidhy 80’), D. Xuereb (M. Vella 93), L. Mckay (J. Tanti 71’)

Imwissija: D. Albanese 35’, C. Riascos 50’ (Si)

Skorjaw: V. Plut 27’ (Sl), V. Vieira 28’, C Zammit Lonardelli (Si)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Christopher Francalanza

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jonathan Debono (Sirens)

BOV Plejer tal-logħba: Jonathan Debono (Sirens)

Fl-unika logħba fit-Tony Bezzina Stadium, Sirens komplew bis-serje pożittiva tagħhom u f’konfront li setgħa mar kull naħa għelbu lil Sta. Lucia bl-iskor ta’ 2-1.

Sta. Lucia kienu mmexxija mill-Assistant Coach tagħhom Brian Chetcuti hekk kif fl-aħħar jiem kien tħabbar li Oliver Spiteri m’għadux fit-tmexxija tat-tim wara tliet snin.

L-ewwel azzjoni waslet wara seba’ minuti minn Sta. Lucia meta Vitor Filho approfitta minn żball difensiv iżda wara li avvanza ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra. Żewġ minuti wara reġgħu kienu l-Yellows fuq l-attakk fejn l-istess plejer Filho qassam lejn Da Silva Souza b’dan tal-aħħar jipprova mill-ewwel iżda jsib lil Debono attent u wettaq save tajjeb. Fl-14-il minuta kienu Sirens li marru viċin meta kien Riascos li rċieva kross tajjeb mingħand Walker iżda minn taħt il-lasta il-Kolombjan tefa’ barra. Fis-27 minuta Sta. Lucia fetħu l-iskor. Kien żball ta’ Albanese li kompla bir-ras lura ħażin, bil-ballun jispicca għand VITO PLUT li qabbeż minn fuq Debono. Dan il-vantaġġ dam biss minuta hekk kif Sirens ġabu l-gowl tad-dro fit-28 minuta meta VITOR VIEIRA mill-kaxxa b’xutt b’saħħtu għeleb lil Farrugia. Sta. Lucia marru viċin il-vantaġġ fis-36 minuta meta Nicholas Pulis prova xutt minn bara l-kaxxa , bil-plejer tal-logħba Jonathan Debono jwettaq save mill-isbaħ u dawwar f’korner.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fis-57 minuta minn Sirens meta Carlos Riascos prova xutt b’saħħtu li għadda ftit barra. Sta. Lucia resqu viċin fil-61 minuta permezz ta’ Da Silva Souza li rċieva ballun fit-tul u wara li għeleb id-dwell mad-difensur ra l-konklużżjoni tiegħu tgħaddi tħakkek mal-wieqfa. Żewġ minuti wara reġa kien l-istess plejer li mpennja lil Debono minn free-kick dirett li l-goalkeeper ta’ Sirens kellu jdawwar f’korner. Il-partita baqgħet waħda movumentata u fis-66 minuta wasal il-gowl tal-vantaġġ ta’ Sirens. Kienet ħarba tajba ta’ Walker mal-linja li rnexxielu jidħol fil-kaxxa u anke jikkonkludi, bil-goalkeeper Christopher Farrugia jilqa parzjalment u l-ballun spiċċa f’saqajn CARLO ZAMMIT LONARDELLI  li mill-viċin tefa’fix-xibka. Fit-72 minuta minn free-kick ieħor tal-istess Da Silva Souza Sta. Lucia jolqtu l-lasta qabel il-ballun spiċċa barra. Dexter Xuereb għoddha b’waħda fis-87 minuta meta wara xutt ta’ Carlos Flores, f’tentattiv li jtajjar għal ftit ma’ tefax fix-xibka tiegħu stess.