Internazzjonali

Sirja: Jiem ta’ konfronti mal-militanti tal-ISIS

Fl-aħħar sigħat kien hemm il-ġlied intensiv fl-artijiet lejn il-grigal tas-Sirja wara li ġellieda tal-ISIS ippruvaw jeħilsu numru ta’ priġunieri minn ħabs taħt il-kontroll tal-ġellieda Kurdi. Fil-fatt, il-qawwiet Kurdi – bl-għajnuna tal-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti – ilhom mill-Ħamis jikkumbattu mal-militanti fil-belt ta’ Hasaka.

L-assalt fuq il-kumpless tal-ħabs ta’ Ghwayran kien l-aktar intensiv mindu t-terroristi tal-ISIS tilfu l-gwerra fis-Sirja tliet snin ilu. F’dan il-kumpless kien hemm mat-3,500 priġunier suspettati bħala membri tal-ISIS, flimkien ma’ uħud mill-kapijiet tal-istess entità qattiela.

Mijiet ta’ ġiħadisti tal-ISIS reġgħu nqabdu mill-qawwiet Kurdi ftit wara li kienu ħarbu mill-kumpless iżda l-aħħar rapporti qalu li ‘numru ta’ eks-priġunieri kienu għadhom qed  jiġru ħielsa’.

Fl-aħħar sigħat, il-ġellieda Kurdi rnexxielhom jiċċirkondaw il-kumpless tal-ħabs huma u jiġġieldu għall-kontroll tan-neighbourhoods fiz-zona – u bir-residenti tal-inħawi jispiċċaw kostretti li jaħarbu minn djarhom.